Lokali

Illum jagħlaq sninu l-Kap tal-PN Bernard Grech

It-8 ta’ Ġunju hija ġurnata speċjali għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista – Bernard Grech jiċċelebra għeluq sninu, hekk kif għalaq 52 sena.

Bernard Grech twieled Raħal Ġdid fit-8 ta’ Ġunju tal-1971. Miżżewweġ lil AnneMarie u jgħixu l-Mosta. Huma għandhom żewġt itfal: Neil u Maria. Huwa kien ilu snin iservi bħala avukat qabel ma daħal fil-politika.

Kien fit-3 ta’ Ottubru tal-2020 illi ġie elett Kap tal-Partit Nazzjonalista, u sussegwentament Kap tal-Oppożizzjoni.

Fi tfulitu hu segwa l-edukazzjoni sekondarja u ħa l-formazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ San Alwigi. Imbagħad iggradwa mill-Università ta’ Malta bħala Avukat fl-1995.

Għal diversi snin ħadem fil-volontarjat maż-żgħażagħ, il-persuni bi bżonnijiet speċjali u l-Malta Community Chest Fund. Flimkien ma’ AnneMarie kienu jagħtu l-korsijiet lil koppji li kienu se jiżżewġu mal-Moviment ta’ Kana.

Kien ukoll l-Avukat tal-Malta Football Referees Association u hu l-President Onorarju tas-Soċjetà Filarmonika San Pietru ta’ Birżebbuġa – il-lokalità fejn għex parti minn tfulitu.

Għal xi żmien, Bernard Grech kien ukoll Visiting Lecturer fl-Università ta’ Malta.

Net News jingħaqad mal-kumplament tal-impjegati fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fl-awguri lil Bernard Grech għal dan il-jum specjali.

Għal din l-okkażjoni l-Partit Nazzjonalista organizza attivita socjali fid-Dar Ċentali fejn kienu bosta dawk li awguraw lil Bernard Grech f’dan il-jum tant speċjali għalih.

F’diskors tal-okkazjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar l-importanza li kulħadd jgħożż lill-ommijiet kollha li jagħmlu kollox għal uliedhom. Kien hawn fejn Bernard Grech irringrazzja wkoll lin-nisa kollha fejn saħaq li kull mara – anke jekk mhix omm – għandha tkun apprezzata.  

Huwa qal li d-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista hija d-dar ta’ kulħadd… anke ta’ dawk li qatt ma vvutaw lill-PN… hekk kif iktar ma jgħaddi ż-żmien il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jikber u jissaħħaħ.

Preżenti ma’ Bernard Grech ghal din l-attivita kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino kif ukoll il-Kandidati għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew David Agius u Peter Agius.