Edukazzjoni Lokali

Jeħtieġ li s-settur edukattiv ma jibqax jingħata l-ġenb – PN

Appell biex fl-iskejjel l-għalliema u l-ħaddiema jingħataw aktar risorzi

Il-Partit Nazzjonalista jinnota rapporti fil-media li fihom qed ikun irrapportat inċident serju li f’argument bejn żewġ studenti bniet fl-iskola medja tan-Naxxar intużat sikkina li setgħet ikkawżat traġedja.

Fil-kuntest ta’ dan l-inċident, u oħrajn li kienu rrapportati matul din is-sena skolastika li waslet biex tintemm, il-Partit Nazzjonalista jafferma li kull skola għandha bla preċedent ikollha ambjent sigur għat-tfal u għall-edukaturi. Dan għandu jkun prijorità assoluta, għal kull skola u f’kull ħin tal-ġurnata.

Waqt li l-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lill-edukaturi li b’dedikazzjoni u professjonalità, ġeneralment jikkontrollaw tali inċidenti fl-iskejjel, jappella lill-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex jassigura li l-iskejjel ikollhom biżżejjed riżorsi u għajnuna fl-isfidi tagħhom kontra l-imġiba ħażina ta’ numru sostanzjali ta’ studenti f’diversi skejjel madwar Malta u Għawdex. Għalhekk, jappella għal aktar preżenza ta’ youth workerssocial workers u professjonisti oħra li jistgħu jaħdmu ma’ min għandu diffikultajiet serji ta’ mġiba ħażina.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li għandu jsir studju intensiv u fl-immedjat sabiex ikunu stabbiliti r-raġunijiet għaliex id-dixxiplina fl-iskejjel Maltin qed ikollha diversi sfidi serji, u jsostni li hemm ħtieġa imminenti ta’ diskussjoni mal-istakeholders kollha fir-rigward. Huwa evidenti li n-nuqqas ta’ dixxiplina u l-arja ta’ impunità fl-iskejjel b’mod ġenerali mhumiex jingħataw biżżejjed attenzjoni u għalhekk din il-problema inkwetanti għandha tittieħed bl-akbar serjetà.

Il-Partit Nazzjonalista, bħalma għamel fil-każ tal-filmat li ttella’ online li jirrigwardja l-iskola sekondarja tal-Ħandaq ftit ġranet ilu u li fih jidhru numru ta’ studenti jivvandalizzaw il-bini u jiksru r-regolamenti ta’ mġieba u etika fl-iskola, qiegħed jitlob b’manjiera formali sabiex tiskatta investigazzjoni interna u serja f’tentattiv li każijiet bħal dawn ma jibqgħux iseħħu għad-detriment tal-benesseri tal-istudenti u l-edukaturi fl-iskejjel tagħna.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti biex is-settur edukattiv jissaħħaħ minn kull lat, anke finanzjarjament u dan billi ssir bidla radikali fil-finanzjament tal-edukazzjoni fejn l-allokazzjoni għall-ispiża f’dan il-qasam tibqa’ tiżdied sena fuq oħra, ibbażata fuq formula li tkun marbuta mat-tkabbir fil-GDP tal-pajjiż.

Dan kollu intqal fi stqarrija tad-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri.