L-MUT trid li jiġu riveduti l-policies relatati mad-dixxiplina fl-iskejjel. Dan wara li seħħ każ ieħor serju ta’ aggressjoni, fejn allegatament tifla ta’ 12-il sena marret fuq studenta oħra b’sikkina tal-butir.
Il-każ jidher li seħħ it-Tlieta fl-Iskola Medja tan-Naxxar, biż-żewġ studenti jintbagħatu d-dar.
L-awtoritajiet edukattivi qed jinvestigaw eżatt x’seħħ u kif kienet id-dinamika tal-każ. Għalkemm it-Times qed tirrapporta li l-aggressjoni ħolqot biża’ enormi fost it-tfal u l-edukaturi.
L-istess ġurnal irrakkonta kif kollox beda minn ġlieda fil-ħin tal-break, fejn kellhom saħansitra jintervjenu l-għalliema biex iferrqu lill-bniet. Kien f’dan il-ħin meta waħda mit-tfal ġriet lejn il-kċina li tintuża mill-istaff, u dehret ġejja lura lejn l-istudenta l-oħra b’sikkina f’idejha.
Fi stqarrija, l-MUT tenniet il-pożizzjoni tagħha ta’ tolleranza zero lejn kull tip ta’ imġieba mhux xierqa fl-iskejjel. U appellat lill-awtoritajiet biex iżomm pożizzjoni soda quddiem każi bħal dawn.
//= $special ?>