Internazzjonali

L-Ukrajna: Versjonijiet differenti dwar il-‘kontro-offensiva’ mill-qawwiet ta’ Zelensky

Is-Segretarju tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ukrajna ċaħad għal rapporti li pajjiżu ‘ma jridx juri lid-dinja’ li l-qawwiet Ukreni, bħalissa, għaddejjin bil-kontro-offensiva l-kbira – mistennija għal ġimgħat – biex ikeċċu lis-suldati Russi mid-distretti u r-reġjuni (Ukreni) li ilhom jokkupaw minn Frar tal-2022.

Oleksiy Danilov, fil-fatt, akkuża lir-Russja b’li qed tipprova tmexxi l-fake news biex tiggwadanja mill-konfużjoni hi u tkompli bl-atroċitajiet fuq il-poplu Ukren.

U l-istess Danilov enfasizza li d-dinja kollha għandha ssir taf bid-dettalji dwar kif u meta l-Ukreni se jmexxu l-kontro-offensiva li għandha tkun l-aktar azzjoni sinifikanti mill-bidu tal-konflitt fl-Ukrajna.

Madankollu mhux kulħadd qed iħares lejn is-sitwazzjoni mill-istess lenti – bl-uffiċjali ewlenin fl-Istati Uniti jinfurmaw lill-istampa internazzjonali dwar ‘indikazzjonijiet ċari’ li l-Ukreni għaddejjin bl-ewwel fażi tal-kontro-offensiva li qed twitti t-triq għall-‘akbar attakki s’issa fuq l-għadu’ fit-territorji tal-Ukrajna.

Il-kontro-offensiva setgħet anki kellha l-bidu fl-aħħar battalji ħorox fil-madwar ta’ Bakhmut fejn il-militar Ukren qed javvanza u jieħu lura xi zoni minkejja r-reżistenza feroċi mill-qawwiet Russi li, jiem ilu, kienu ħadu kontroll ta’ din il-belt fil-lvant tal-Ukrajna.

Fl-aħħar sigħat ukoll, numru ta’ bloggers Russi li qed jappoġġjaw il-gwerra ta’ Vladimir Putin fuq l-Ukrajna sostnew li kienet ‘bdiet’ il-kontro-offensiva tant mistennija min-naħa tal-Ukreni u li, fil-preżent, qed tikkonċentra anki fuq ir-reġjun ta’ Zaporizhzhia, lejn in-nofsinar tal-Ukrajna.

Andrey Rudenko, korrispondent għall-istazzjon tat-televiżjoni Rossiya 24, qal li l-Ukreni kienu bagħtu t-tankijiet tal-gwerra biex jattakkaw liz-zoni difiżi mir-Russi u li dawn  irnexxielhom jirreżistu għall-ewwel mewġa tal-attakki.

Fl-istess ħin, Vladimir Rogov, il-Gvernatur alleat mar-Russja fl-artijiet okkupati ta’ Zaporizhzhia, informa lill-media Russa li l-Ukreni ilhom l-aħħar erbat ijiem għaddejjin b’offensiva fuq ‘skala massima’ fir-reġjun, skont l-istrateġija tal-Ġenerali Ukreni biex jieħdu lura l-artijiet mitlufa.