Internazzjonali Lokali

“Ma rridx niġġieled għall-vendetta imma rrid niġġieled għall-paċi”

Artiklu miktub minn Joe Cassar

Id-determinazzjoni ta’ Yaryna, tfajla Ukrena ta’ 23 sena li fi ftit ġimgħat tilfet lil missierha u l-għarus tagħha li kienet qed tippjana li tiżżewweġ.

“M’aħniex niġġieldu għall-vendetta, lanqas wara dak li għaddiet minnu l-familja tagħna, imma rridu nibqgħu niġġieldu biex inwaqqfu l-atroċitajiet tar-Russi. Niġġieldu għall-paċi. Irrid inkompli miexja fuq il-passi li għallmuni missieri u l-għarus tiegħi, anki jekk issa m’għadhomx magħna.”

Kliem Yaryna Chuchman, tfajla Ukrena li wara li s-suldati Russi qatlulha lill-għarus tagħha li kienet qed tippjana li tiżżewweġ, qatlulha wkoll lil missierha. U wara l-funeral tiegħu libset il-libsa ta’ suldat biex il-ġlieda tiegħu għal liberazzjoni ta’ pajjiżha tkompliha hi.

Missier Yaryna, Myhaylo
L-għarus ta’ Yaryna

L-istorja rrakkontahieli Andrè Bonello, żagħżugħ Malti li ftit jiem ilu kien fi Kiev, il-kapitali Ukrena, proprju fl-aktar jiem perikolużi meta r-Russi bbumbardjaw b’mod qawwi din il-belt.

Fost oħrajn hu ltaqa’ ma’ Mariya Chuchman, omm qalbiena li l-gwerra ftit aktar minn xahrejn ilu ħaditilha lil żewġha, suldat Ukren li kien qed jiddefendi lil pajjiżu fil-belt ta’ Bakhmut, u lill-għarus ta’ bintha Yaryna.

Mariya ħadet l-aħbar kiefra tal-mewt ta’ żewġha Myhaylo fil-25 ta’ Marzu ta’ din is-sena. Tilfitu f’belt jisimha Bakhmut fejn ir-Russi attakkaw b’aggressività kbira sakemm okkupawha wara li għamlu minnha ħerba sħiħa. Andrè jiddeskrivi din il-belt illum bħala ‘infern’. Jgħidilna li r-Russi tant attakkaw b’saħħa din il-belt u l-popolazzjoni tagħha li llum issib biss bini mġarraf u nies mejtin.

Wieħed minnhom kien Myhaylo, ir-raġel ta’ din il-mara. Huma għandhom tifla ta’ 23 sena li kienet għarusa ġuvni li kien qed jissielet għal pajjiżu f’belt oħra fil-Lvant tal-Ukrajna u li ftit jiem qabel il-mewt ta’ missierha messet lilu wkoll l-istess xorti u miet ukoll waqt wieħed mill-attakki tar-Russi.

Mariya qalet li din bintha qalbiena ma ridetx taċċetta t-telfa u waqt il-funeral ta’ missierha minflok libset l-iswed bħala sinjal ta’ luttu, libset ħwejjeġ kuluriti biex tissimbolizza l-ħajja u l-kuraġġ.

Wara l-funeral ta’ missierha, li kien jifforma parti mill-armata Ukrena, it-tifla talbet lill-mexxejja tal-armata biex tieħu t-taħriġ meħtieġ biex tkun tista’ tieħu post missierha u l-ġlieda tiegħu għal pajjiżha tkun tista’ tkompliha hi.

Qalb dulur bħal dan, minflok iddemoralizzat ruħha u ċediet, it-tfajla trid tagħmel il-kuraġġ u tiġġieled għall-ħelsien ta’ pajjiżha. “M’aħniex niġġieldu għall-vendetta wara dak li għaddejt minnu jien u l-familja tiegħi, imma rridu nibqgħu niġġieldu biex inwaqqfu l-atroċitajiet tar-Russi. Niġġieldu għall-paċi.”

Daqstant ieħor kbir il-kuraġġ ta’ din l-omm – Mariya – li wara t-telfa ta’ missierha u dik tal-għarus ta’ bintha, minflok ingħalqet ġewwa fiha qed tagħmel xogħol utli u mill-aktar altruwistiku billi tieħu ħsieb grupp ta’ żgħażagħ b’diżabbiltà bi programm li jismu ‘Step by Step’. Tgħinhom billi tipprovdilhom ikel u neċessitajiet oħra. Tipprovdilhom ukoll edukazzjoni u tfittex xogħol għal dawk li jistgħu jaħdmu. Tgħinhom biex kemm jista’ jkun jintegraw fis-soċjetà.

“Hija mara inkredibbli,” qalli Andrè. “Din mara li fi ftit ġimgħat tilfet lil żewġha, tilfet lill-għarus tat-tifla li tant kienet tħobb, u issa minn jum għall-ieħor tibża’ li titlef lit-tifla tagħha wkoll. Sadanittant xorta waħda qed tara x’tista’ tagħmel biex tgħin lil ħaddieħor.”

Andrè jgħid li dan is-sentiment ħassu b’mod ġenerali qalb il-popolazzjoni ta’ Kiev. Nies li minflok iħarsu lejn it-telfiet li qegħdin iġarrbu bl-imwiet ta’ familjari u ħbieb tagħhom, jagħmlu kuraġġ lil xulxin biex ikomplu jipproteġu bis-saħħa kollha li fadlilhom lil art twelidhom u jgħinu lil xulxin kif jistgħu fis-sagrifiċċji u t-tbatijiet li huma sabu ruħhom fihom mil-lejl għan-nhar.

Lil Mariya Andrè staqsieha xi tħoss lejn is-suldati Russi, kif tħares lejhom illum li matul din il-gwerra qatlulha lil żewġha u lir-raġel li kien qed jibni futur ma’ bintha. It-tweġiba tagħha kienet li tħoss rabja kbira, iva, imma tirrikonoxxi wkoll li ħafna minn dawn is-suldati Russi huma ‘tfal’ mibgħutin biex jiġġieldu u joqtlu anki kontra r-rieda tagħhom għax jekk jirrifjutaw li jagħmlu dan ikunu qed jirriskjaw għaxar snin ħabs mir-reġim ta’ pajjiżhom. “Jiena meta nitlob għal żewġi u l-għarus tat-tifla, nitlob għalihom ukoll. Nitlob li din il-gwerra tfittex tieqaf u kulħadd jerġa’ jibda jgħix fil-paċi, inkluż is-suldati Russi.”

Andrè qalli li t-tbatijiet li ra huma kbar u din hija waħda biss mill-istejjer li ltaqa’ magħhom fil-ftit jiem li kien fil-kapitali Ukrena.

Hu jittama li meta jerġa’ jżur din il-belt isib poplu li jkun reġa’ beda jgħix f’pajjiżu fil-paċi li tixraqlu wara t-tbatijiet kollha li inġustament ikun għadda minnhom. Sadanittant se jkun qed iħejji dokumentarju li matulu jirrakkonta dak li għadda minnu hu flimkien mal-istorja ta’ Mariya u bintha u nies oħrajn li qed iġarrbu t-tbatijiet li ġġib magħha l-gwerra.