Sport Sport Ieħor

Snooker: Kampjonat Ewropew Albena – Bulgarija: Alex Borg mal-aħħar sittax b’mod drammatiku

Dik li forsi dehret li ser tkun eliminazzjoni totali tat-tliet Maltin waqt dan it-tielet jum tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker fil-kategorija tas-Seniors daret, fi kwalifikazzjoni drammatika għal Alex Borg wara kolp wieħed biss inċert mill-avversarju tiegħu.

L-avversarju ta’ Borg, il-Finlandiż Esa Kaikumaa, kien jinsab żewġ frames minn fuq filwaqt li fit-tielet frame meta kien jonqos l-aħħar erba’ kuluri fuq il-mejda ppottja bi preċiżjoni l-boċċa l-kannella li dehret diffiċċli u b’punteġġ ta’ 53 għal 40 favuru, kellu bżonn biss il-boċċa l-blu biex jikkwalifika għal mal-aħħar sittax.

F’dan il-ħin Kaikumaa deher inċert kif ser jilgħab dan il-kolp deċiżiv tant li ħa aktar minn tliet minuti u nofs biex jilgħabu. Minbarra li falla milli jippottja l-boċċa l-blu wettaq foul peress li għamel is-sewda u ta’ seba’ punti lil Borg. Dan kien il-kolp li dawwar l-andament tal- logħba u li minnu Borg ħa vantaġġ mis-sitwazzjoni u minn hemm ‘il quddiem kien f’kontroll assolut sakemm wara aktar minn tliet siegħat u nofs rebaħ il-konfront għal punteġġ finali ta’ 3-2 (41-74, 16-65, 65-53, 70-15 u 66-5).

Aktar kmieni matul is-serata kemm Philip Ciantar kif ukoll Arthur Cachia tilfu u sfaw eliminati fil-fażi tan-knock out tal-aħħar 32.

Philip Ciantar tilef kontra l-Irlandiż John Farrell 3-0 (32-68, 9-73 u 29-77). Matul il-logħba l-Irlandiż ftit ta’ cans lil Ciantar joffri forma ta’ reżistenza speċjalment fit-tieni u t-tielet frame fejn fihom wettaq breaks ta’ 68 u 45 rispettivament.

Arthur Cachia kellu l-mumenti tiegħu fil-logħba kontra l-Ingliż Lee Stephens minkejja li sab ruhu żewġ frames minn taħt. Cachia naqqas id-distakk fit-tielet frame li rrnexxielu jirbaħ u jagħlaq bi break ta’ 41 punt. Fir-raba’ frame huwa seta’ ġab id-draw biex jisforza l-aħħar frame iżda Stephens reġa bena vantaġġ żgħir biex rebaħ bi skor finali ta’ 3-1; 26-73, 32-67, 81-15 u 41-50.

Alex Borg issa jerġa jilgħab dagħlodu fid-9am ħin ta l’ Malta, fir-round tal-aħħar sittax din id-darba kontra l-Iskoċċiż Craig Barber.