GSSE Malta 2023 Sport

Attività biex ikun iċċelebrat is-suċċess ta’ Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar

Niċċelebraw Team Malta hija attività li kulħadd huwa mistieden għaliha u li se ssir nhar l-Erbgħa 14 ta’ Ġunju fis-7:30pm fi Pjazza Kastilja, il-Belt Valletta

F’attività ta’ spettaklu, il-familji huma mistiedna li jattendu flimkien ma’ atleti li kienu fil-kontinġent Malti fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa.

Is-suċċess ta’ Malta f’dan il-Logħob kien kbir fejn pajjiżna mhux biss kiseb l-aqwa riżultat li qatt inkiseb f’dan il-Logħob iżda l-fatt li rebaħ dan il-Logħob meta temm fl-ewwel post tal-klassifika tal-midalji fost disa’ pajjiżi. Dan wara li Malta rebħet 38 midalja tad-deheb, 30 midalja tal-fidda u 29 midalja tal-bronż.

L-aqwa riżultat għal Malta qabel din l-edizzjoni kien fl-2003, inċidentalment meta pajjiżna organizza dan il-Logħob għat-tieni darba. Dakinhar Malta ġiet fir-raba’ post u kisbet 44 midalja. Fl-edizzjoni ta’ din is-sena Malta kisbet aktar mid-doppju tal-midalji mirbuħa 20 sena ilu.

Huwa għalhekk li b’rabta mal-isbaħ ġimgħa għall-isport Malti, il-familji huma mistiedna li jattendu, jiltaqgħu mal-atleti u jassistu għal spettaklu li se jerġa’ jfakkar l-isbaħ mumenti li kellna waqt dawn il-Logħob. Infatti fi Pjazza Kastilja se jkun hemm spettaklu fejn tiddomina l-kanzunetta uffiċjali ta’ dawn il-Logħob, ‘Shine Your Light’.

L-isport f’pajjiżna wera għaqda mill-isbaħ wara Team Malta u l-attività ‘Niċċelebraw Team Malta’ għandha tkun opportunità oħra biex inkomplu nagħtu l-appoġġ lill-atleti Maltin u Għawdxin biex ir-riżultat tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar iservi ta’ tarġa oħra fejn ikompli jinkiseb iżjed suċċess għall-isport Malti.