Internazzjonali

Franza: It-tfal midruba fl-attakk jinsabu stabbli…bil-President Macron iżur Annecy

Il-poplu Franċiż qed jistejqer mix-xokk wara l-attakk brutali ta’ nhar il-Ħamis fejn numru ta’ tfal spiċċaw midruba minn raġel Sirjan armat b’sikkina  li nfexx f’dagħdigħa ta’ vjolenza għall-għarrieda waqt li kien qiegħed f’park fil-belt ta’ Annecy, viċin l-Alpi.

Fl-aħħar sigħat, sar magħruf li l-erbat itfal aggrediti – u li spiċċaw l-isptar wara l-attakk – jinsabu stabbli wara li kienu operati b’urġenza. L-operazzjonijiet sarulhom fl-isptar ta’ Grenoble, u kull ċittadin Franċiż qed iżomm f’moħħu l-familji tal-vittmi li se jkomplu jġarrbu l-konsegwenzi tal-inċident terribbli.

Fost it-tfal midruba hemm anki tifla Britannika li kienet preżenti fil-park flimkien ma’ familtha li kienu marru Franza għal btala.

Intant, il-fatt li l-ebda minn dawn it-tfal – fosthom tfajjel ta’ 22 xahar – ma jinsab f’perikolu li jitlef ħajtu kien ikkonfermat mill-Prim Ministru ta’ Franza Elisabeth Borne li żaret il-belt ta’ Annecy dritt wara l-attakk.

Dan ukoll wara li l-Gvern Franċiż, aktar qabel, kien qal li tnejn fost dawn it-tfal kienu għadhom f’kundizzjoni kritika.

L-aggressur Sirjan, li għandu 31 sena u li ftit ilu ngħata l-permess biex imur jgħix fl-Iżvezja bħala refuġjat tal-gwerra, kien ħebb anki għal żewġ adulti li wkoll spiċċaw feruti b’daqqiet ta’ sikkina.

L-awtoritajiet Franċiżi, sadanittant, ikkonfermaw mill-ġdid li l-attakk f’Annecy ma kienx immotivat minn xi skop terroristiku u bl-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin fil-park ta’ Paquier d’Annecy li, għal żmien twil ( nhar il-Ħamis), kien maħkum mit-tensjoni u l-paniku.

Xi rapporti mhumiex ikkonfermati qalu li s-Sirjan – li qed jinżamm taħt arrest wara li spiċċa midrub mill-pulizija – x’aktarx li se jkun suġġett għal diversi testijiet psikoloġiċi, bl-awtoritajiet Franċiżi qed jippruvaw isibu r-raġuni wara l-aggressjoni bla sens fuq it-tfal.

Fl-istess ħin, ħarġu xi akkużi li l-pulizija reaġew bil-mod wisq għall-emerġenza fil-park ta’ Annecy iżda diversi sorsi qed jirribattu għal dan fost l-istqarrijiet li l-uffiċjali tal-liġi għamlu kulma setgħu biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni u li huma kienu kostretti li jisparaw fuq l-aggressur li baqa’ iħebb għan-nies minkejja l-preżenza tal-pulizija.

Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, fl-aħħar sigħat, mar fl-inħawi ta’ Annecy, flimkien ma’ martu Brigitte, u fejn żar il-vittmi tal-attakk fl-isptar tal-belt kif ukoll fl-isptar ta’ Grenoble.

Macron iltaqa’ ukoll man-nies li kellhom sehem kbir fl-isforzi biex l-aggressur Sirjan jinżamm taħt kontroll u ma naqasx milli jirringrazzja lill-ħaddiema għall-emerġenzi – fosthom pulizija u membri tal-istaff mediku – għall-intervent fil-pront tagħhom li kien ukoll fattur determinanti waqt mument ta’ kriżi kbira.