Il-qawwiet tal-Ukrajna, wara jiem ta’ spekulazzjoni, bdew il-kontro-offensiva kbira kontra l-militar tar-Russja li għadu qed jokkupa diversi territorji u reġjuni Ukreni. Dan ukoll meta l-Ministeru Ukren għad-Difiża kkonferma li s-sitwazzjoni fuq il-fronti tal-battalja għadha imprevedibbli fost it-tensjoni.
Il-Viċi-Ministru Ukren għad-Difiża, Hannah Maliar, bagħtet messaġġ fuq Telegram biex tgħid li kienu għaddejjin il-battalji ħorox f’numru ta’ zoni u li kienu ilhom għaddejjin għal sigħat – bl-artijiet lejn il-Lvant tal-Ukrajna mill-ġdid jispiċċaw ‘l-epiċentru’ tal-kumbattimenti.
Sadanittant, l-Ukreni dehru li kienu qed jikkonċentraw il-parti kbira tal-offensiva fuq iz-zoni ta’ Zaporizhzhia bil-ħsieb li jiżolaw u jifirdu lill-qawwiet militari Russi (fl-inħawi) minn ma’ xulxin.
Hannah Maliar, fl-aħħar sigħat, sostniet li r-Russi kienu anki qed jikkonsolidaw id-difiżi qalb iz-zoni ta’ Lyman, Bakhmut, Avdiivsky u Mariinka. Intant ma kienx magħruf biċ-ċert jekk l-Ukreni kenux qed jużaw l-armamenti u t-tankijiet tal-gwerra sofistikati li rċevew mingħand il-Punent għall-fażi bikrija tal-offensiva.
Filwaqt li l-uffiċjali u l-bloggers militari tar-Russja referew għal ‘sensiela ta’ attakki bla heda’ mill-Ukreni fuq Zaporizhzhia, l-Armata Ukrena kienet anki qed tmexxi l-azzjonijiet fuq diversi fronti oħra u fost l-attakki kontinwi fuq id-difiżi tar-Russi f’Bakhmut u Donetsk.
Jidher, intant, li l-militar tal-Gvern Ukren qed jipprova jiftaħ ir-rotot ġodda qalb iz-zoni difiżi mir-Russi bil-ħsieb li javanza ‘mingħajr xkiel żejjed’ lejn il-Baħar ta’ Azov.
Il-konferma dwar il-bidu tal-kontro-offensiva tal-Ukreni ngħatat anki mill-ogħla uffiċjali militari fir-Renju Unit u osservaturi bażati madwar il-Punent.
L-uffiċjali u l-osservaturi qegħdin jaqblu li dan hu l-aktar mument deċiżiv fil-gwerra tal-Ukrajna u li l-futur ta’ dan il-pajjiż jiddependi mis-suċċess tal-kontro-offensiva u l-kapaċità tar-Russi biex ikomplu jiddefendu l-ibliet u z-zoni taħt idejhom.
//= $special ?>