Il-binja nbniet taħt il-Gvern ta’ Sant – Abela ma jridx jinvestiga min hemm wara l-bini ta’ struttura allegatament perikoluża
Il-Ministru responsabbli mill-Anzjani JoEtienne Abela m’għandu l-ebda interess li jkun jaf min huwa responsabbli wara dak li huwa qed isejjaħ bini perikoluż – b’referenza għar-Residenza tal-Anzjani f’Bormla. Dan wara li fl-aħħar jiem informa lill-anzjani u lil qrabathom li se jkun qiegħed iwaqqa’ din id-Dar.
Din il-ġimgħa, kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll l-MEP u eks Prim Ministru Laburista Alfred Sant – appellawlu sabiex isejjaħ inkjesta ħalli jiġi determinat min se jkun qiegħed jerfa’ responsabbiltà għall-problemi strutturali li hemm f’din il-binja; problemi li tant huma serji li l-Ministru jrid jeqred għal kollox din id-Dar u jibniha mill-ġdid.
JoEtienne Abela qed jisħaq li m’għandux bżonn inkjesta biex jieħu d-deċiżjonijiet li għandu jieħu. Minkejja l-appelli saħansitra ta’ Alfred Sant illi saħaq li fiċ-ċirkustanzi hemm bżonn li joħorġu l-fatti dwar kif il-proġett kien deċiż u implimentat.
Madanakollu, l-Ministru donnu ma jimpurtah xejn affattu minn dak li qed jgħidlu l-eks Mexxej Laburista.
Dan il-proġett f’Bormla kien beda b’inizjattiva li ħa Gvern Nazzjonalista lura fl-1994 fis-sit fejn kien hemm l-orfanatrofju tas-sorijiet.
Iżda l-ewwel ġebla tal-binja preżenti tqiegħdet fi Frar tal-1997 bl-istruttura tal-binja titlesta fl-1998 – dejjem taħt Gvern tal-Labour immexxi mill-Prim Ministru Laburista Alfred Sant. Tant hu hekk li l-gazzetti lokali, lura f’Jannar tal-1998, kienu rrapportaw li l-binja kienet waslet fi stadju avvanzat.
JoEtienne Abela qed jisħaq li l-istruttura, il-bini, l-konkos huwa ħażin, ta’ periklu għar-residenti u l-ħaddiema…imma għal xi raġuni li hu biss jaf ma jridx jara min huwa l-bniedem responsabbli li qiegħed ħajjet mijiet ta’ nies fil-periklu. Fi kliemu stess ma jridx jinvestiga x’seħħ aktar minn 20 sena ilu taħt amministrazzjoni Laburista.
Mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti jekk hux lest li jippublika ir-rapporti li ġew quddiemu u li qalulu li din il-binja hija ta’ periklu huwa insista li se jippreżenta dawn id-dokumenti biss jekk issirlu mistoqsija parlamentari.
Dan minkejja li d-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici diġà għamlitlu din id-domanda fejn staqsietu jekk jistax iqiegħed fuq il-Medja tal-Kamra r-rapporti kollha li abbażi tagħhom ittieħdet id-deċiżjoni – bil-Ministru jinfurmaha li d-diskussjonijiet fil-Kabinett huma ta’ natura kunfidenzjali. Dan ifisser li hu diga’ gie mistoqsi għar-rapport, iżda farfar milli jwieġeb.Għaldaqstant f’dan l-istadju ċ-ċittadini tal-Kottonera se jibqgħu għal perjodu twil mingħajr residenza tal-anzjani. U r-residenti tad-dar se jkunu qed jinħarġu ’l barra mill-Kottonera kontra l-volontà tagħhom.
