Lokali Qorti

Każ li dam ikarkar 32 sena bil-partijiet kollha responsabbli nkluż l-Imħallef

Raġel ingħata kumpens għal każ ċivili dam 32 sena xokkanti biex jiġi konkluż u kien ikkaratterizzat minn nuqqas ta’ azzjoni tremenda tal-imħallef li ppreseda l-każ. Il-qorti attribwixxiet ħafna mit-tort lill-imħallef u ngħad li dan “tilef il-kontroll fuq l-amministrazzjoni tal-każ” iżda ngħata t-tort ukoll liż-żewġ partijiet li ma qalux kelma dwar il-mod kif il-każ kien qed itawwal bla bżonn.

L-Imħallef Toni Abela ta lil Joseph Ciantar kumpens ta’ €7,000 wara li ħa in kunsiderazzjoni l-fatt li hu wkoll ikkontribwixxa għad-dewmien billi, fost l-oħrajn, talab rapport ta’ espert addizzjonali lejn l-aħħar tal-każ. Dan waħdu ikkontribwixxa d-dewwem tal-każ b’erba’ snin oħra.

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha semgħet li Ciantar u ibnu, Alexander, ġew akkużati l-ewwel li approprjaw fondi mill-kumpanija li kienu jaħdmu għaliha, Mabrouk Limited. Il-kumpanija fittxethom, u sostniet li kienu daħħlu flus fil-but għal xogħlijiet li kienu wettqu fuq in-naħa bl-użu ta’ materjali u makkinarju tal-kumpanija.

Il-każ ġie ppreżentat għall-ewwel darba f’Settembru tal-1984 u s-sentenza finali mill-qorti tal-appell ingħatat fl-aħħar ta’ April 2016. L-Imħallef Abela elenka numru twil ta’ sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li ttrattaw il-kwistjoni tad-dewmien fil-qorti u ta l-interpretazzjoni tagħha dwar xi jfisser li jiġi ddeterminat każ fi żmien raġonevoli.

L-Imħallef qal li l-każistika stabbilixxiet li t-tul tal-kawżi fil-qorti tiddependi minn numru ta’ fatturi fosthom il-kumplessità tal-każ, il-mod kif il-qorti amministratha u l-imġiba tal-partijiet. Il-ġurisprudenza ma stabbilixxietx limitu ta’ żmien assolut.

Skont il-fajl tal-każ, deher li kien hemm “nuqqas ta’ azzjoni u dewmien” min-naħa tal-imħallef li ppresieda l-każ li faċilment iddifferixxa għal diversi drabi l-każ minn data għal oħra, ħafna drabi mingħajr ma pprovda ġustifikazzjoni. “L-impressjoni li wieħed jieħu hija li l-qorti tilfet il-kontroll tal-amministrazzjoni tal-każ, bil-partijiet donnhom jagħtu l-impressjoni li riedu jaslu għal xi ftehim barra l-qorti u għalhekk kulħadd baqa’ kalm.

Ciantar ma jidhirx li għamel xi ħaġa biex jiżgura li l-każ ġie konkluż,” osservat il-qorti. Meta l-każ ġie pospost għal ġudizzju, Ciantar talab rapport ta’ espert. L-Imħallef Abela qal li ma setax jifhem kif l-imħallef li quddiemu kien il-każ, kien ippermetta dan iżda kienet indikazzjoni ċara li Ciantar ma riedx li l-każ jasal għall-ebda konklużjoni.

L-unika darba li xi waħda mill-partijiet ippruvat tagħti spinta lill-qorti kienet f’Settembru 1996 u eventwalment wasslet għal bidla fl-imħallef. Wara li kkunsidra l-kontribuzzjoni ta’ Ciantar għad-dewmien tal-qorti, l-Imħallef Abela tah €7,000 f’kumpens li għandu jitħallas mill-avukat tal-istat.