Lokali Qorti

Konfermata sentenza li pensjonanta m’għandhiex tirrifondi aktar minn €57,000

Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Lawrence ikkonfermat deiċiżjoni fil-konfront ta’ anzjana ta’ 66 sena biex hi ma tirriffondix 10 snin pensjoni li jlaħħqu s-somma ta’ €57,332.47 lura lid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali, liema deċiżjoni kienet ingħatat mill-Arbitru li kien qal li d-dipartiment ma ġab l-ebda prova li turi li l-mara kienet qabżet il-limiti ta’ dħul u ma kinitx eliġibbli għal tali għajnuna.

Id-dipartiment ma qablitx mad-deċiżjoni tal-Arbitru u appella mill-każ fejn qal li dan kien naqas milli japplika l-liġi b’mod korrett għaċ-ċirkostanzi tal-każ. Qal ukoll li mill-provi esebiti fl-atti, kellu jirriżulta li l-pensjonanta ddisponiet minn assi tagħha u li l-valur tal-kapital tagħha kien jeċċedi l-ammont  u li ma tikkwalifikax jew m’għadhiex tikkwalifika għall-benefiċċji soċjali mitluba minnha, u li saħansitra kellha tirrifondi somma sostanzjali ta’ flus li hija rċeviet f’pensjoni tal-età bejn Ottubru tal-2011 u April tal-2021

Hi kienet qalet li fis-sena 2000, kienet involuta fit-trasferiment ta’ garaxx favur binha, b’titolu ta’ donazzjoni,  filwaqt li fis-sena 2011 hi u żewġha kienu biegħu appartament, minn liema bejgħ iddikjarat li ma rċevietx aktar minn €35,000, minkejja li fuq l-att ta’ trasferiment ġie dikjarat li l-prezz tal-bejgħ ta’ dan l-appartament kien ta’ €58,235.

Waqt it-trattazzjoni quddiem il-Qorti, l-avukat difensur tal-mara qalet li dan mhux appell fuq punt ta’ liġi iżda fuq il-mertu, u għalhekk  il-Qorti għandha tirrifjuta li tieħu konjizzjoni tiegħu. L-ammont li kienet qed  tintalab trodd lura jeċċedi bil-bosta kull somma li hi rċeviet mill-bejgħ tal-appartament fl-2011.

L-appellata xehdet li dawn il-proċeduri poġġewha fi stat finanzjarju ħażin għaliex l-introjtu tagħha ġie fix-xejn, apparti li qegħda tintalab tirrifondi l-flus li rċeviet f’benefiċċji fuq medda ta’ snin, u għalhekk il-flus li qegħda tintalab tirrifondi huma sostanzjali ħafna għaliha.

Id-dipartiment stess qal li kienet eliġibbli

Qalet li dawn il-flus kienu tħallsu lilha għaliex ittieħdet id-deċiżjoni mid-Dipartiment, li hija kienet eliġibbli għall-pensjoni tal-età, u l-ammont li rċeviet kien l-ammont meqjus li kien meħtieġ għal persuna fl-istat tagħha sabiex tkun tista’ tgħix b’mod dinjituż.

Dak huwa l-iskop għalfejn jitħallsu l-benifiċċji soċjali f’Malta. Il-Qorti qalet li dawn il-proċeduri nbdew minħabba azzjoni amministrattiva tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, li fetaħ il-file tal-appellata wara li kienet ilha bosta snin tirċievi l-għajnuna soċjali, u wara li ttieħdet id-deċiżjoni mill-istess Dipartiment li hi kienet eliġibbli għal dawn il-benefiċċji.

Il-mara spjegat li hija nefqet il-flus li daħħlet minn dan il-bejgħ, għaliex kellha tagħmel xogħol ta’ manutenzjoni qawwi fir-residenza ta’ ommha, liema proprjetà hi mikrija, u li fiha llum il-ġurnata tgħix hi. Mill-atti jirriżulta wkoll li għal bosta snin l-appellata kellha tieħu ħsieb ħuha li kellu diżabilità. Huwa hawnhekk fejn il-Qorti tosserva li l-azzjoni tad-dipartiment ma kinitx waħda amministrattivament korretta jew raġonevoli.

F’dan il-każ kien hemm dewmien ta’ aktar minn 10 snin minn mindu ġie ttrasferit l-appartament, biex l-mara ġiet infurmata li minħabba f’dak it-trasferiment hi mhijiex meqjusa li hija għadha eliġibbli għall-benefiċċji soċjali, allavolja snin ilu kien ġie deċiż li hi kienet eliġibbli għalihom.

Id-dipartiment qal li l-anzjana ma ġabet l-ebda prova sabiex turi fhiex nefqet il-flus li rċeviet mill-bejgħ tal-appartament, jew prova li hija tabilħaqq kellha bżonn tagħmel xogħlijiet ta’ manutenzjoni fid-dar ta’ abitazzjoni tagħha. Iżda l-Qorti qalet li hija tal-fehma li ladarba l-investigazzjoni dwar l-mara skattat fuq inizjattiva tad-dipartiment, kellu jkun hu li jressaq provi li hi  verament kellha kapital li jeċċedi l-massimu stabbilit bil-liġi, ħafna snin wara li kien ġie deċiż li hija kienet eliġibbli għal dawn il-benefiċċji.

Barra minn hekk id-dewmien m’għandux jaħdem kontriha jekk hi ma ppreżentatx irċevuti bħala prova, għaliex mhuwiex raġonevoli li d-dipartiment jippretendi li hi wara dawn is-snin kollha żammet l-irċevuti tal-infiq fix-xogħlijiet li għamlet fid-dar mikrija minn ommha.  

Qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet għadu jiġi kkunsidrat l-impatt fuq il-kwalià tal-ħajja

Il-Qorti tqis li qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet amministrattivi li se jħallu impatt fuq il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni bħal din l-anzjana, d-dipartiment kellu jressaq provi oħra, bħal statements ta’ kontijiet bankarji minn fejn għandu jirriżulta l-kapital li jeċċedi l-massimu stabbilit jew provi oħra li juru li l-individwu għandu biex jgħix.

Hemm differenza bejn persuna li ddaħħal somma flus mill-bejgħ ta’ proprjetà, anki jekk bħal fil-każ ma kinitx xi somma flus sostanzjali, u tkun kapaċi tinvesti dik is-somma b’tali mod li tħallilha xi forma ta’ introjtu żgħir kemm hu żgħir, u persuna li jkollha bżonn tbiegħ assi tagħha sabiex tkun tista’ tgħix, kif ġara fil-każ.

Il-Qorti tal-Appell qalet li d-deċiżjoni tal-Arbitru kienet waħda li tirrispetta l-prinċipji tal-ekwità u tal-ġustizzja, u fejn id-deċiżjoni amministrattiva li ttieħdet ma tistax titqies li hi waħda raġonevoli. Il-Qorti osservat ukoll li d-dewmien min-naħa tad-dipartiment sabiex jibda investigazzjoni fuqha, wassal sabiex hija baqgħet tirċievi benefiċċji, li wara kollox kien l-istess Dipartiment li ddeċieda li hija kienet eliġibbli għalihom.

Dan bir-riżultat li l-ammont ta’ flus li hi issa qegħda tintalab tirrifondi lura, saħansitra jeċċedi r-rikavat mill-bejgħ tal-appartament. In vista ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, il-Qorti tqis li l-appell tad-dipartiment mhuwiex ġustifikat, u għalhekk ċaħditu.