Futbol Sport

Marcolini jagħti importanza kbira lill-isfida tal-lejla kontra l-Lussemburgu

Il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Michele Marcolini qed jagħti importanza lil-logħba ta’ ħbiberija li Malta se tilgħab kontra l-Lussemburgu llejla, logħba li se tiġi wara taħriġ intensiv fl-aħħar ġimgħat.

Ovvjamemnt din il-logħba se tkun bi preparazzjoni għall-impenn doppju ta’ tmiem il-ġimgħa d-dieħla fejn Malta tospita lill-Ingilterra u wara tilgħab kontra l-Ukrajna f’Trnava fis-Slovakkja.

Marcolini qal li minkejja li din hi logħba ta’ ħbiberija, hu u t-tim Malti jridu jagħtu l-attenzjoni kollha lil dan il-konfront daqs li kieku kienet logħba kompetittiva.

Dwar l-avversarji tal-lejla Marcolini qal li dawn ilhom taħt l-istess kowċ għal dawn l-aħħar snin u hemm ċertu stabilita’ fit-tim u qal li dawn jilagħbu futbol aggressiv ħafna.

Il-Lussemburgu jinsabu fi Grupp J flimkien mal-Portugall, is-Slovakkja, Il-Bożnja, l-Iżlanda u Liechtenstein. S’issa l-Lussemburgu kisbu draw ta’ mingħajr gowls barra minn darhom kontra s-Sloakkja u sofrew telfa ta’ 6-0 f’darhom kontra l-Portugall.

Il-ġimgħa d-dieħla l-Lussemburg jkunu f’darhom kontra Liechtenstein u barra minn darhom kontra l-Bożnja.

L-iskwadra Maltija hi fl-aħjar kundizzjoni minbarra għan-nuqqasijiet ta’ Enrico Pepe u ta’ Teddy Teuma b’tal-aħħar llejla żgur mhux se jkun fl-azzjoni fejn il-mira hi li jkun irkuprat għal waħda jew niżżewġ impenji tal-ġimgħa d-dieħla.