Taħwid, kjass u perplessità wara l-istqarrija li inħarġet mid-Depot tal-Pulizija il-Ħamis filgħaxija – stqarrija illi turi biċ-ċar in-nuqqas ta’ komunikazzjoni li hemm fi ħdan il-Korp u l-problemi serji li jeżistu taħt għajnejn Angelo Gafa.
Dan wara li f’komunikat uffiċjali, il-Pulizija talbet l-għajnuna sabiex kull min għandu xi informazzjoni dwar ċertu Marzoq Abdelaziz jgħaddiha lill-Pulizija. Iżda r-raġel ta’ 36 sena li l-Pulizija talbu lill-pubbliku sabiex jgħinuhom għaliex kien imfittex b’rabta ma’ każ pendenti li hemm għaddej fil-Qorti….instab ftit tas-sigħat wara f’Raħal Ġdid, preċiżament fil-ħabs fejn qiegħed jiskonta sentenza ta’ tliet snin priġunerija.
Dan ġie żvelat mill-avukat Jason Azzopardi fejn permezz tal-midja soċjali għamel prattikament xogħol il-Pulizija … u spjega li Abdelaziz kien jinsab f’Division 1 tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Bosta ma ridux jemmnu li dan ir-raġel kien taħt għajnejn il-Pulizija u lanqas biss indunaw bih.
L-Avukat Azzopardi kompla jgħid li jekk lill-Kummissarju Angelo Gafà ħarbitlu xi ħaġa bħal din kif qed jistenna li l-poplu jafdah li se jaqbad lill-korrotti.
Dan filwaqt li diversi persuni fuq il-midja soċjali kkritikaw lill-Kummissarju tal-Pulizija u saħansitra sejħu għar-riżenja tiegħu.
//= $special ?>
