Sport Sport Ieħor

Tennis – Open ta’ Franza: Swiatek u Muchova fil-finali tan-nisa

(Ritratt: EPA)

Il-finali tal-kategorija tan-nisa tal-Open ta’ Franza se tkun bejn in-numru wieħed Iga Swiatek u Karolina Muchova li bħalissa tinsab fit-43 post fir-rankings.

Swiatek kompliet timpressjona fejn waslet sa din il-finali mingħajr ma ċediet set wieħed. Ilbieraħ fis-semifinali Swiatek għelbet lill-Brażiljana sorpriża ta’ dan it-turnament, Beatriz Haddad Maia 6-2, 7-6. Swiatek iddominat l-ewwel set li rebħithu f’41 minuta, iżda kellha tissielet bis-sħiħ fit-tieni set li dam siegħa u nofs u li finalment Swiatek rebħithu bit-tie break.

Kumbattuta u spettakolari kienet l-ewwel semifinali bejn Karonia Muchova u Aryna Sabalenka. Kienu tliet sets mill-isbaħ biż-żewġ protagonisti jdumu jissieltu iktar minn tliet sigħat u kwart biex finalment kien hemm rebbieħa. Muchova rebħet 7-6, 6-7, 7-5.

Illum jintlagħbu ż-żewġ semifinali tal-irġiel fejn hemm il-konfront tant mistenni meqjus bħala finali antiċipata, bejn in-numru 1 tad-dinja Carlos Alcaraz u n-numru 3 Novak Djokovic. Kulħadd qed ibassar battalja bejn iż-żagħżugħ u l-futur tat-tennis Alcaraz kontra l-esperjenza ta’ Djokovic li f’Pariġi qed ifittex ir-rebħ tat-23 Grand Slam tiegħu biex b’hekk isir it-tennista bl-ikbar ammont ta’ Grand Slams. Is-semifinali l-ioħra hi bejn Aleksander Zverev u Casper Ruud.