“Il-futur hija l-Ewropa u dak il-futur huwa tagħkom”
Hekk iddikjarat il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola meta ħeġġet lil eluf ta’ żgħażagħ minn madwar id-dinja biex jibqgħu impenjati favur l-attiviżmu soċjali. Dan hekk kif sena oħra nkunu qed nivvutaw għal dawk il-Membri Parlamentari li se jkunu qed jirrapreżentawna fuq livell Ewropew.
Roberta Metsola tkellmet waqt il-ftuħ tal-ikbar avveniment li jsir kull sentejn għaż-żgħażagħ fi Strasburgu bl-isem ta’ EYE23, fejn fakkret li kull vuċi hija importanti biex nassiguraw li f’kull pajjiż Ewropew naraw id-demokrazija tirrenja.
F’kumment li tat lil Net News, Roberta Metsola qalet li kull żagħżugħ u żagħżugħa għandhom juru iktar interess u jsemmgħu leħinhom għal futur b’saħħtu. Roberta Metsola fakkret kif issa anke il-votanti ta’ 16 se jkollhom opportunità jiffurmaw il-futur kif jixtiequ huma.
Roberta Metsola qalet li l-Ewropa hija ħolma għaż-żgħażagħ ta’ sittax. L-Ewropa tfisser iktar xogħol, iżjed ugwaljanza, kwalità ta’ ħajja aħjar, iżjed possibiltajiet li taħdem u tistudja barra. Hija saħqet li dawn huma kollha punti li ma jiftakrux u b’hekk tixtieq turihom xi tfisser l-Unjoni Ewropea.
U hekk kif wieħed jibda jaħseb fejn se jkun qed imur il-vot tiegħu, il-President tal-Parlament Ewropew fakkret f’element li huwa ferm importanti.
Li l-Ewopa hi fi darna, “l-Ewopa hi aħna lkoll”