Internazzjonali

L-Ukreni javvanzaw 1,400m f’Bakhmut f’24 siegħa

Ritratt: Ansa

Skont rapporti, matul l-aħħar 24 siegħa, t-truppi Ukreni avvanzaw madwar 1,400m f’direzzjonijiet differenti minn Bakhmut.

Il-forzi Ukreni allegatament qatlu 138 suldat Russu u ndarbu 236 suldat. Barra minn hekk, l-Ukrajna tilfet tagħmir, inklużi vetturi armati, kanuni kif ukoll drones.

Il-militari Ukreni rnexxilhom jippenetraw il-linji tad-difiża Russi f’xi żoni tal-front, filwaqt li l-Ministeru tad-Difiża Brittaniku nnota il-progress tal-Ukreni li wettqu diversi operazzjonijiet militari fl-aħħar sigħat filwaqt li ddeskriva din il-manuvra bħala suċċess.

Hemm ukoll rapporti li l-kap tal-amministrazzjoni favur ir-Russja fir-reġjun ta’ Kherson, Vladimir Saldo, ndarab serjament wara attakki fuq lukanda. Iżda s’issa l-amministrazzjoni Russa f’Kherson għadha ma tkellmitx fuq dan l-attakk.

Minn naħa tiegħu l-President tal-Ukrajna Volodomyr Zelensky qal li l-kontro-offensiva u l-azzjonijiet tad-difiża għaddejjin kif pjanati iżda fl-ebda ħin ma kkonferma jekk din il-kontro-offensiva hijiex dik li ilha ppjanata għal diversi xhur.

Barra minn hekk tal-anqas 6,000 persuna, inklużi 235 tifel u tifla, ġew evakwati minn żoni mgħarrqa fir-reġjun ta’ Kherson wara li aktar kmieni din il-ġimgħa nqerdet diga f’Nova Kakhovka Intqal ukoll li madwar 800 persuna huma involuti fl-operazzjoni ta’ evakwazzjoni minn diversi ibliet.

Kaġun tal-attakki fuq id-diga rapporti qalu li għad hemm diversi peruni li għadhom rappurtati nieqsa. L-evakwazzjonijiet mistennija li jkomplu matul il-jiem li ġejjin.

Intant, matul il-lejl kien hemm attakk massiv f’Odessa li ħallha 3 ċivili mejta u 27 oħra midruba. L-awtoritajiet interċettaw 2 missili cruise u tal-anqas 8 drones.

B’riżultat ta’ dan l-attakk id-debris minn drone partikolari laqat blokka ta’ appartamenti li spiċċa maħkum minn nirien. Matul il-lejl kollu nstemgħu s-sireni li jindikaw li kien  hemm possibilta’ ta’ aktar attakki mill-ajru.

Kaġun ta’ dan l-attakk inqerdu madwar ħamsin appartament. Fejn sfortunatament koppja ta’ 44 u 40 sena nqatlu waqt li kienu reqdin f’darhom.