Futbol Sport

Manchester City jirbħu l-UEFA Champions League u jilħqu t-tragward ta’ tliet titli mirbuħa dan l-istaġun

(Ritratt: EPA)

Manchester City rebħu l-UEFA Champions League u saru r-rebbieħa tat-treble dan l-istaġun meta fil-finali f’Istanbul għelbu lil Inter bl-iskor ta’ 1-0. Għal Manchester City din kienet l-ewwel darba li rebħu dan l-unur fl-istorja tal-club.

Mal-ħames minuta tasal l-ewwel azzjoni perikoluża tal-finali meta Bernardo Silva daħal tajjeb fil-kaxxa mil-lemin bix-xutt tiegħu jgħaddi jħakkek mal-lasta. Fis-26 minuta Man City perikolużi għal darb’ oħra b’Kevin De Bruyne jiżmarka lil Erling Haaland li ra x-xutt tiegħu salvat b’diffikulta’ minn Onana.

B’Manchester City jikkontrollaw il-pusses tal-ballun fit-tieni taqsima, il-gowl deċiżiv wasal fis-67 minuta meta id-difiża ta’ Inter naqset milli tbiegħed il-periklu minn cross ta’ Bernardo Silva, bil-ballun jaqa’ f’saqajn Rodri, li b’xutt preċiż għeleb lil Onana għal 1-0. Tliet minuti wara okkażżjoni tad-deheb għal Inter li jiksbu d-draw meta wara indeċiżjoni fid-difiża ta’ Manchester City kien Federico Di Marco li ra d-daqqa ta’ ras tiegħu taħbat mal-lasta, qabel mit-tieni tentattiv kien Romelu Lukaku li blokka d-daqqa ta’ ras ta’ Di Marco mill-viċin. L-aħħar ċans ta’ Inter wasal fid-90 minuta meta Gosens għadda lejn Romelu Lukaku, li mill-viċin ra d-daqqa ta’ ras tiegħu salvata b’mod spettakolari minn Ederson.