Lokali Qorti

Titpoġġa fuq probation wara argument ma’ ommha fuq id-droga

Żagħżugħa ta’ 18-il sena instabet ħatja li heddet lil ommha u kissritilha l-mobile wara argument fuq id-droga.

Hija tpoġġiet ngħatat sentenza ta’ probation u trattament għal perjodu ta’ tliet snin.

Waqt is-seduta, il-Qorti semgħet kif il-bint kellha problema tad-droga u li kienet aggressiva fil-konfront ta’ ommha waqt li kienet taħt l-effett. Mix-xhieda tal-bint stess ħareġ li kienet tieħu d-droga m’ommha stess. Hija qalet ukoll li bdiet tieħu d-drogi meta kellha biss 14-il sena.

Iż-żagħżugħa ċaħdet li heddet lil ommha filwaqt li ammettiet li użat kliem oxxen fil-konfront ta’ ommha.

Il-bint kompliet tgħid li dakinhar tal-argument, ommha marret tixtri d-droga u ħaduha flimkien. Hi ammettiet li kienet tkun irrabjata u li għamlet ħsarat fuq xi affarijiet fid-dar t’ommha meta ma kelliex droga iżda insistiet li qatt ma kienet ta’ periklu għal ommha.

Il-Qorti innotat kif ix-xhieda tal-bint ma ġietx ikkontestata u li temmen il-verżjoni tal-imputata li l-ġlied li kellhom kien kaġun tad-drogi li ħadu flimkien. B’hekk, sabitha ħatja li għamlet ħsara fuq il-mobile ta’ ommha u li hedditha iżda mhux b’mod serju.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qieset l-età żgħira tal-imputata u li ma kelliex trobbija xierqa. Filwaqt li innotat li l-imputat qed tingħata l-kura sabiex tegħleb il-vizzju tad-droga. Hi ġiet ordnata ukoll iżomm il-paċi m’ommha.