Wara 124 partita mimlija emozzjoni u sorpriżi, issa jmiss il-partita l-kbira, il-Finali bejn Manchester City u Inter, partita li tintlagħab illejla fid-9pm fl-Ataturk Olympic Stadium, f’Istanbul.
Manchester City huwa t-tim li ħafna qed jikkunsidiraw bħala l-favoriti għal dan il-konfront, hekk kif ic-Citizens qed jittamaw li jmorru pass iktar mill-ewwel u l-aħħar finali tal-UEFA Champions League li lagħbu fl-2021, fejn tilfu l-konfront bi skor minimu ta’ 1-0 kontra Chelsea, b’Kai Havertz ikun l-awtur tal-gowl tar-rebħa. F’każ li Machester City joħorġu rebbieħa minn dan il-konfront huma jżidu t-tieni unur Ewropew tagħhom, hekk kif huma rebħu l-unika tazza Ewropea fil-forma tal-UEFA Cup Winners Cup fl-1970 meta għelbu lit-tim Polakk Gornik Zabrze bl-iskor ta’ 2-1.
Ic-champions attwali tal-Premier League, kif ukoll riċentament tal-FA Cup, jonqoshom biss dan l-unur prestiġjuż biex ikunu t-tieni tim Ingliż li rebaħ it-treble, wara r-rivali tagħhom Manchester United li rebħuha fl-1999.
Manchester City ma tilfu l-ebda partita fil-vjaġġ tagħhom lejn il-finali, hekk kif temmew fl-ewwel post fi Grupp G, grupp li kien jikkonsisiti minn Borussia Dortmud, Copenhagen u l-eventwalment rebbieħa tal-UEFA Europe League Sevilla.
Ic-Citizens affrontaw żewġ forzi Ġermaniżi fir-rawnd tal-aħħar sittax u fil-kwarti finali, hekk għelbu lil RB Leipzig b’aggregate impressjonanti ta’ 8-1, biex sussegwentament għelbu liċ-champions Ġermaniżi Bayern Munich b’aggregate ta’ 4-1. L-iktar rebħa mpressjonanti pero fil-mixja tagħhom għall-finali kienet dik kontra Real Madrid fis-semi finali, fejn għelbu lir-rebbieħa tal-aħħar edizzjoni b’aggregate ta’ 5-1, fejn kienet rebħa impressjonanti ta’ 4-0 fit-tieni leg fl-Etihad li qatatilhom il-passaġġ għal din il-finali.
Apparti d-dominanza assoluta fil-grawnd mit-tim imexxi minn Pep Guardiola, il-plejers ta’ Manchester City qed jiddominaw anka fin-numri ta’ gowls u assists skurjati individwalment, bl-attakkant prolifiku Norveġiż Erling Haaland fil-quċċata bi 12-il gowl, filwaqt li Kevin De Bruyne huwa l-plejer li għandu l-iktar assists b’7.
Barra mill-importanza kbira għas-Citizens f’din il-partita, Pep Guardiola se jkun qiegħed ukoll jimmira li jżid midalja oħra ta’ din il-kompetizzjoni ma’ li għandu, bl-Ispanjol jirbaħ dan l-unur darbtejn bħala kowċ u darba bħala plejer, f’kull okkażjoni ma’ Barcelona.
Fil-kamp l-ieħor, in-Neroazzuri huma meqjusa bħala inqas favoriti f’dan il-konfront, madankollu, id-difiża soda tat-tim Taljan kif ukoll l-element ta’ storja u importanza li dan it-tim għandu f’kompetizzjonijiet tal-UEFA jistgħu jkunu fatturi mportanti sabiex jgħinuhom jegħlbu lill-avversarji. Inter huma wieħed mill-ftit timijiet fl-Ewropa li rebħu t-treble, b’dan is-suċċess jasal fl-istaġun tal-2009/2010. Apparti minn hekk, Inter rebħu darbtejn oħra l-UEFA Champions League fl-1964 u 1965, kif ukoll tliet darbiet il-UEFA Cup fl-1990, 1994 u 1998.
Inter ukoll ma kellhomx triq faċli lejn il-finali hekk kif spiċċaw it-tieni fi Grupp C li kien jikkonsisti minn Bayern Muich, Barcelona u Viktoria Plzen, bit-tim Ġermaniż jispiċċa fl-ewwel post.
Fil-fażi tan-knockout, Inter affrontaw żewġ timijiet Portuġiżi fl-ewwel żewġ rawnds, hekk kif għelbu lil Porto bl-iskor minimu ta’ 1-0 fuq żewġ partiti, kif ukoll għelbu lil Benfica fil-kwarti finali b’aggregate ta’ 5-3. L-iktar rebħa sinifikanti waslet fis-semi finali kontra r-rivali, AC Milan. In-Neroazzuri ħarġu rebbieħa fiż-żewġ konfronti b’aggregate ta’ 3-0.
Din se tkun l-ewwel darba li l-kowċ ta’ Inter Simone Inzaghi se jkun involut fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni, hekk kif l-unika unur tal-UEFA li rebaħ kienet il-UEFA Super Cup fl-1999 kontra Manchester United fis-sajf li ingħaqad ma’ Lazio.
Manchester City u Inter qatt ma affrontaw lil xulxin f’partita uffiċjali tal-UEFA.
Iż-żewġ attakkanti Arġentini Lautaro Martinez u Julian Alvarez it-tnejn għandhom iċ-ċans jinkludu ruħhom ma’ lista esklussiva ta’ plejers li rebħu t-Tazza tad-Dinja u l-UEFA Champions League fl-istess sena. Sepp Maier, Paul Breitner, Hans-Georg Schwarzenbeck, Franz Beckenbauer, Gerd Muller u Uli Hoeness kienu l-ewwel set ta’ plejers li rnexxielhom jiksbu dan is-suċċess fl-1974, meta rebħu t-Tazza tad-Dinja mal-Ġermanja kif ukoll il-UEFA Champions League ma’ Bayern Munich, fejn dak iż-żmien kienet tisejjaħ il-European Cup. Christian Karembeu ukoll rnexxielu jirbaħ dawn iż-żewġ unuri fl-1998 ma’ Franza u Real Madrid. Fl-2002 Roberto Carlos niżżel ismu ma’ dawn il-leġġendi bis-suċċess tiegħu mal-Brażil u ma’ Real Madrid.
L-iktar plejer riċenti li laħaq dan it-tragward kien Raphael Varane ma’ Franza u Real Madrid fl-2018.
Ir-referee ta’ din il-partita se jkun il-Polakk Szymon Marciniak li kkontrolla anka l-finali tal-aħħar Tazza tad-Dinja fil-Qatar.
//= $special ?>