Wara li pajjiżna ilu xhur jikkumbatti l-impatt tal-għoli tal-ħajja – fejn diversi persuni mhux ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar – issa hemm kategorija oħra ta’ ħaddiema li ħadu daqqa; dawn huma ix-xufiera tal-vannijiet iż-żgħar.
Informazzjoni li kiseb Net News tindika li x-xufiera tal-vannijiet tal-iskejjel li jesgħu inqas minn 10 persuni, mhux se jithallew ikomplu joperaw mis-sena skolastika li ġejja. Dan se jaffetwa lil madwar 150 operatur.
Ix-xufiera li tkellmu ma’ dan l-istazzjon spjegaw li l-kuntratt li ffirmaw fl-2019, kien jorbothom li joperaw vannijiet li jesgħu 9 studenti – kuntratt li se jibqa’ validu sa din is-sena.
Iżda minħabba li waqfet il-ħidma tagħhom fiż-żmien il-COVID 19 lura fl-2020, kien ġie offrut kuntratt ieħor bl-istess kundizzjonijiet – dawk li joperaw vannijiet li jesgħu 9 studenti, din id-darba mġedded sal-2025.
Minkejja dan, il-Gvern mar lura minn kellmtu, meta f’laqgħa li saret ftit tal-ġimgħat ilu mill-Ministeru tal-Edukazzjoni ma’ dawn ix-xufiera, qalulhom li vannijiet li jesgħu sa 9 studenti se jkunu qed jitwaqqfu milli joperaw mis-sena skolatsika li ġejja – hekk kif il-liġi tindika hi li l-vannijiet iridu jkunu jesgħu iżjed minn 10 studenti.
Dan ifisser, li xufiera li joperaw b’vannijiet li jesgħu 9 studenti, se jkunu qed jitilfu xogħolhom mingħajr ebda alternattiva oħra.
//= $special ?>