Lokali

Abela u Caruana mhux jaqblu dwar il-mudell ekonomiku

Huwa car li n-narrattiva tal-Prim Ministru Robert Abela u tal- Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana. – mhumiex jaqblu. Dan hekk kif minn banda Caruana qed jgħid lill-Accountants dwar il-bżonn urġenti li pajjiżna jbiddel il-mudell eknomiku preżenti – u mill-banda l-oħra Abela qed jitkellem dwar il-bżonn mhux li tbiddel il-mudell imma li tiddiversifika l-ekonomija. Dan qalu Abela innifsu f’artiklu ppubblikat fis-Sunday Times, miktub minnu stess.

Fl-aħħar jiem Clyde Caruana saħaq li l-mudell ekonomiku bbażat fuq id-dipendenza ta’ ħaddiema barranin irid jinbidel – l-istess Caruana li sa ftit ta’ snin ilu kien wieħed mill-promoturi ewlenin ta’ dan l-istil ekonomiku meta kien imexxi l-JobsPlus.

Bosta esperti jisħqu li tali stil ekonomiku qed jifga pajjiż li fl-aħħar 10 snin il-popolazzjoni żdiedet b’100,000 u li skont l-istess Caruana sal-2040 l-popolazzjoni Maltija se tiżdied għal 800,000 persuna.

Iżda issa f’Malta u Għawdex hemm numru kbir ta’ impjegati barranin – li huma wkoll minn barra mill-Unjoni Ewropea – li mingħajrhom numru ta’ stabbilimenti, negozji u kumpaniji ma jistgħux joperaw.

Għaldaqstant tali dikjarazzjoni minn Caruana ma niżlet xejn tajjeb kemm lil Prim Ministru Abela kif ukoll lill-Ministru tal-Ekonomija, Silvio Schembri.

Sorsi qrib il-gazzetta Illum spjegaw li Clyde Caruana qed jipponta sabiex jilħaq sew fi ħdan il-Partit Laburista u li saħansitra allegatament qed ixewwex kontra l-istess Robert Abela.