Lokali

Carmen Ciantar tgħid li l-forzi tad-dlam qed jaħdmu kontriha

Tgħid li qed jużaw lilha u lil bintha biex iwettqu frame-up fuq Chris Fearne

Qed jużaw lili biex iwettqu frame-up fuq Chris Fearne – hemm bżonn li l-awtoritajiet iħaffu l-pass sabiex jaqbdu lill-forzi tad-dlamijiet wara dan l-aġir.

Sostniet dan mas-Sunday Times of Malta Carmen Ciantar, l-id il-leminija tal-Ministru għas-Saħħa li ftit aktar minn ġimgħa ilu kellha tissospendi lilha nfsiha minn Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi wara li gazzetta fil-Pakistan irrapportat allegat tixħim … bejna u bejn kumpanija qrib Vitals Global Healthcare. 

Ciantar qed tibqa’ tinsisti li din hija sempliċi vittma ta’ kampanja maħmuġa biex tkisser ir-reputazzjoni tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.

Fl-aħħar jiem ġie rrapportat ukoll – din id-darba fuq sit Belġjan – li Russu li xtara ċ-ċittadinanza Maltija ħallas aktar minn tlett miljun ewro lil bint l-istess Carmen Ciantar, Celine Ciantar…bħala allegat kickback lil ħadd ħlief Chris Fearne. Madanakollu din l-aħbar ftit tas-sigħat wara ġiet imħassra.

Mat Times, Carmen Ciantar saħqet li qed jużaw lilha u lil bintha biex xi ħadd itappan u jeqred ir-reputazzjoni ta’ Fearne; li fil-fehma tagħha qatt ma ddubitat mill-integrità tiegħu. Hi insistiet mal-ġurnal li l-allegazzjonijiet li rċeviet mijiet ta’ eluf ta’ ewro mingħand din il-kumpanija hija gidba u insistiet li qatt ma rċeviet penny mingħand xi ħadd involut fid-deal tal-isptarijiet.

Ciantar ilha qrib il-Ministru Fearne mill-2017 fejn kienet ħadmet fil-kampanja tiegħu għal Deputat Leader tal-Labour.

Mistoqsija min taħseb li hemm wara dan l-allegat frame-up, Carmen Ciantar irrifjutat li tipponta swaba lejn xi ħadd; iżda appellat lil Qrati, lill-Pulizija u lill-ġurnalisti sabiex toħroġ il-verità.

Fl-aħħar ġimgħa Carmen Ciantar kitbet darbtejn lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà sabiex jinvestiga l-każ u appellat lill-Maġistrat Gabriella Vella sabiex tisma’ x-xhieda tagħha b’rabta mad-deals ta’ Vitals u Steward.  Madanakollu s’issa għadu ma kellimha ħadd – dan ifisser li wara tali allegazzjonijiet gravi…il-Pulizija għadhom lanqas biss avviċinawha.

L-awtur Mark Camlleri minn naha tieghu qed jallega li wara dawn l-istejjer hemm l-eks Mexxej Laburista Joseph Muscat flimkien ma dawk li Camilleri jsejjaħ soċji kriminali.