L-eks President Amerikan, Donald Trump, minkejja l-akkużi federali fil-konfront tiegħu, qed jaddotta arja ta’ sfida u, fost il-kummenti, tenna li ‘lanqas il-ħabs mhu se jżommu milli jirrealizza mill-ġdid l-ambizzjoni li jerġa’ jilħaq President tal-Istati Uniti’.
Fil-fatt, Trump deher f’burdata tajba ħafna bħala l-attrazzjoni prinċipali waqt żewġ konvenzjonijiet tal-Partit Repubblikan li saru fi tmiem il-ġimgħa. Dan wara li l-awtoritajiet federali akkużawh dwar l-użu rresponsabbli ta’ dokumenti klassifikati li jinkludu informazzjoni sigrieta dwar in-nukleari.
Min-naħa tiegħu, Trump — li qed jittama biex, għal darb’oħra, ikun il-kandidat tal-Partit Repubblikan li jikkuntesta għall-White House fl-2024 — sostna li hu spiċċa bħala ‘ħaruf tas-sagrifiċċju’ għall-qorti federali proprju minħabba l-pjan tiegħu biex jilħaq mill-ġdid President tal-Istati Uniti.
Hu ingħata merħba enormi mill-mijiet tal-partitarji Repubblikani li attendew għall-avvenimenti bil-ħsieb li juru solidarjetà sħiħa ma’ Trump — l-ewwel eks-President fl-istorja tal-Istati Uniti li qatt iffaċċja akkużi kriminali fuq livell federali. Intant, Trump għandu jidher il-qorti proprju nhar it-Tlieta.
//= $special ?>