F’attivita’ politika organizzata mill-Partit Nazzjonalista fin-Naxxar, il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-finanzi Jerome Caruana Cilia, fakkar kif il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana sa kważi sena ilu kien ammetta huwa stess li l-mudell ekonomiku li ħoloq Gvern Laburista, mibni fuq konsum sfrenat mingħajr valur miżjud, ibbażat fuq iż-żieda tal-popolazzjoni mingħajr ippjanar, falla … u għaldaqstant qalilna wkoll li jrid jinbidel.
Jerome Caruana Cilia qal li l-poplu Malti stenna li fl-aħħar xhur, Clyde Caruana kien se jindikalna l-viżjoni tiegħu fit-tul, b’mudell ekonomiku ġdid. Iżda t-tkaxkir tas-saqajn ta’ Gvern imexxi minn Robert Abela, li huwa dgħajjef u m’għandu l-ebda pjan sabiex jindirizza d-dejn ta’ pajjiżna li issa qabeż id-€9 Biljun. Id-deputat Caruana Cilia spjega li mad-dejn, ikomplu jogħlew l-ispejjeż tal-imgħaxijet, bl-ispiża tiswina kważi €3.5 miljuni fil-ġimgħa… kważi €500,000 kuljum… minn ħalq il-poplu. Gvern li sena wara oħra falla mill-miri finanzjarji tiegħu.
“Il-ħaddiema Maltin u Għawdxin stennew lill-Gvern jgħid x’niċeċ ġodda fl-ekonomija se jkunu qed jinħolqu. X’investiment se jkun qed isir f’industry verticals eżistenti? X’tip ta’ value added jobs għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema Maltin se jkunu qed jinħolqu? X’tip ta’ setturi li jħallsu pagi tajbin u mhux cheap labour se jkunu qed jinħolqu? Fuq kollox, x’viżjoni se jkun qed joħloq għaż-żgħażagħ tagħna biex jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar?”
Għall-kuntrarju, Gvern Nazzjonalista għal numru ta’ drabi, ippreżenta l-pjanijiet tiegħu biex jindirizza l-isfida tal-għoli tal-ħajja, fosthom, li jissaħħu s-setturi li kien bena u ġab Gvern Nazzjonalista, li jinħoloq mudell ekonomiku ġdid b’setturi ġodda li jimmiraw xogħlijiet ta’ kwalità, li jinħolqu 10 setturi ekonomiċi ġodda, li l-COLA ma tkunx taxxabbli; u jinħoloq fond nazzjonali b’budget annwali ta’ €40 miljun biex jappoġġja lill-industrija u dan biex jagħmel tajjeb għall-impatt tal-għoli tal-ħajja.
Jerome Caruana Cilia insista li l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista jibqa’ li minkejja d-differenzi ta’ bejnietna, jekk inkunu magħqudin flimkien, bħala poplu wieħed, aħwa ta’ dan l-istess nazzjon, jeħtieġ li noffru lill-anzjani, lill-ħaddiema, lill-professjonisti, lill-imprendituri, liż-żgħażagħ tagħna, lill-familji Maltin u Għawdxin… it-tama ta’ viżjoni li tkattar il-ġid, it-tama ta’ viżjoni li noħolqu aktar xogħol ta’ kwalita’ b’pagi tajbin, it-tama ta’ viżjoni għal iktar investiment dirett barrani serju u ta’ livell, u fuq kollox il-viżjoni ta’ kwalita’ ta’ ħajja aħjar għalik u għal dawk għeżież tiegħek.
//= $special ?>