“Il-poplu għandu bżonn stabbiltà, għandu bżonn il-verità, għandu bżonn is-serjetà, għandu bżonn viżjoni għal pajjiżna inkunu nistgħu nwettquha għal ġid ta’ pajjiżna.”
Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Ħadd filgħodu indirizza attivitá politika fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista fin-Naxxar
Bernard Grech tkellem fuq diversi problemi li qed jaffaċċja pajjiżna fosthom l-għoli tal-ħajja, is-sitwazzjoni fid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla kif ukoll fuq il-fatt li pajjiżna għandu bżonn mudell ekonomiku ġdid.
Dwar id-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla Bernard Grech qal li l-poplu ħaqqu jkun jaf il-verità kollha, bħalma ħaqqu jkun jaf il-verità kollha dwar it-traġedja li ħasdet il-ħajja ta’ Jean Paul Sofia f’Diċembru li għadda.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li taħt Gvern Nazzjonalista infetħet skola ġdida kull sena filwaqt li dejjem investa flus għal futur, fil-lokalitajiet, fl-isptarijiet u aktar. Iżda l-Gvern Laburista taha l-miljuni lil Vitals u Steward li tul is-snin m’għamlu l-ebda investiment fl-isptarijiet.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-Qorti ma baxxietx rasha għal Robert Abela filwaqt li fis-sentenza l-Imħallef sostna li d-deal tal-isptarijiet kien frawdolenti. U għalhekk Robert Abela qabad jattakka lil Qrati ta’ pajjiżna.
Hawnhekk, Bernard Grech fakkar li l-isptarijiet ngħataw lura lill-poplu Malti u Għawdxi grazzi għall-ħidma tal-Partit Nazzjonalista.
Tkellem ukoll fuq il-fatt li pajjiżna għandu bżonn mudell ekonomiku ġdid sabiex ikun hawn opportunitajiet aħjar kif ukoll pagi aħjar sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi.
Hawnhekk, Bernard Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista se jkompli joffri t-tama għaliex it-triq ‘il quddiem hija l-Partit Nazzjonalista li dejjem sostna l-prinċipji u li jitfa’ lill-poplu Malti u Għawdxi fiċ-ċentru tal-politika tiegħu.
//= $special ?>