L-għoli tal-Ħajja:
Qed ikisser aktar individwi u familji li mhux ilaħħqu mal-bżonnijiet ta’ kuljum, fosthom max-xirjiet tal-oġġetti l-aktar bażiċi
Ix-xeni ta’ persuni rieqda fuq il-bankini u mal-art, f’daħliet u fuq il-bankijiet u f’bus-shelters qed isiru komuni u frekwenti
Qed ikomplu jiżdiedu dawk l-individwi u familji li spiċċaw kostretti jgħixu f’remissi, f’garaxxijiet u fil-karavans u diversi oħrajn huma bla saqaf fuq rashom
Sidien ta’ ħwienet tal-merċa, tal-laħam, ironmongeries u ta’ servizzi u prodotti oħra jirritornaw għaż-żminijiet li jbiegħu bid-dejn u bil-listi miżmuma fuq il-pitazz
Billi Robert Abela u l-Gvern tiegħu kultant żmien jaqbdu ċekk ta’ €100 u jibagħtuh f’diversi djar biex mingħalihom jaljenaw lin-nies mill-problemi mill-aktar reali li hawn madwarna, mhuma se jsolvu assolutament xejn mill-faqar dejjem jiżdied madwarna.
Dan ngħiduh b’diqa kbira għaliex fil-veru sens tal-kelma li ma nieħdu gost assolutament xejn naraw ħutna Maltin u barranin jispiċċaw jgħixu fit-toroq għaliex il-ħruġ tagħhom ma jlaħħaqx mad-dħul li għandhom.
Madwarna u prattikament f’kull rokna ta’ dan il-pajjiż kulħadd qiegħed iħoss il-piż tal-għoli tal-ħajja. Dan jistqarruh dawk fil-faxxa medja tas-soċjetà u anki dawk fil-faxex ta’ fuq tas-soċjetà. Naturalment l-aktar mgħaffġa bil-piżijiet tal-għoli tal-ħajja huma dawk li jaqilgħuha u jikluha; dawk bi dħul baxx; dawk li jridu jserrħu fuq il-paga minima.
Naturalment f’pajjiżna mbagħad hawn faxxa ta’ individwi u familji li sejrin tajjeb għaliex fl-aħħar snin stagħnew fuq li stagħnew u għadhom jimpalaw il-flus sal-ġurnata tal-lum grazzi għall-politika ta’ korruzzjoni u l-abbuż, grazzi għall-politika tad-direct orders; grazzi għall-politika ta’ neputiżmu u serq; grazzi għall-politika ta’ ħokkli dahri u nħokklok dahrek. Dawn l-individwi u familji għalihom l-għoli tal-ħajja ma jagħmlilhom l-ebda differenza. Jogħlew il-prodotti tal-ikel, tax-xorb, id-deterġenti u tal-mediċini… iżda huma għandhom dħul kbir ġej fuqhom.
Imma r-realtà f’pajjiżna hi li hawn eluf kbar – mat-80,000 persuna li jew qed jgħixu fir-riskju tal-faqar inkella jinsabu diġà fil-faqar.
Ejjew naraw x’jgħid Patri Marcellino Micallef, id-Direttur tas-Soup Kitchen li hemm fil-Belt Valletta. Dan jistqarr li ta’ kuljum is-Soup Kitchen tqassam mal-150 ikla lil diversi persuni li qed jgħixu direttament fil-faqar.
Is-Soup Kitchen hu kunċett żviluppat proprju biex tilqa’ flimkien lil għadd ta’ persuni li jiltaqgħu u filwaqt li jitkellmu bejniethom u jsiru jafu lil xulxin, jgħaddu ftit tal-ħin fil-kumpanija ta’ xulxin filwaqt li jieklu ikla bnina mħejjija mill-kċina tal-istess Soup Kitchen.
Din is-Soup Kitchen, fost l-oħrajn, kixfet il-problema kbira li hawn f’pajjiżna ta’ nies bla saqaf fuq rashom u li fil-veru sens tal-kelma qegħdin ibatu mill-problema tal-ġuħ. Nies li m’għandhomx flus biex jixtru x’jieklu. Nies li m’għandhomx flus biex jixtru x’jixorbu. Nies li mhumiex jgħixu ħajja deċenti u dan m’għandux ikun.
Għaliex qed jirriżulta dejjem aktar li f’pajjiżna hawn għadd ġmielu ta’ persuni li qed jispiċċaw imċaħħda milli jkollhom ħwejjeġ nodfa x’jilbsu; li jistgħu jieħdu xawer u jinħaslu, li jkollhom xagħarhom maqtugħ minn żmien għal żmien… li jkollhom saqaf fuq rashom… li jkollhom is-servizzi tad-dawl u l-ilma.
Patri Marcellino Micallef qal li s-Soup Kitchen twaqqfet biex fis-skiet taħdem fost dawn in-nies li jkunu għaddejjin minn mumenti ta’ diffikultà fil-ħajja tagħhom. Is-Soup Kitchen qed toħroġ mal-200,000 ikla kull sena, iżda aktar importanti minn hekk hu l-fatt li qed tgħin lil ħafna nies biex itejbu xi ftit il-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Hu jgħid li: “L-għan tagħna hu proprju dawk li nindirizzaw il-problema tal-faqar u l-miżerja li sfortunatament għad hawn ħafna nies jgħixu fiha.
“L-ewwel nett hemm diversi forom ta’ faqar. Hemm dawk materjali fejn hemm uġigħ mentali abbuż ta’ alkoħol u droga u anke użura. Hemm sfidi li jridu jiġu indirizzati għax dawn in-nies qed ibatu fis-silenzju u bilfors li jridu jiġu megħjuna sabiex il-kwalità tal-ħajja tagħhom titjieb għax inkella jibqgħu mwaħħlin f’dan iċ-ċirku xejn sabiħ.”
Patri Marcellino Micallef jissokta li: “Illum qed ngħixu f’soċjetà fejn ir-regħba qed tidħol mgħaġġla fil-mentalità ta’ dak li jkun. Il-bniedem donnu iktar irid u mhux kuntent b’dak li għandu. Kif jgħidu hawn min hu mejjet għall-qatra u hawn min hu fis-sakra. Dan hu kuntrast fl-istil ta’ ħajja li ċerti nies qed jgħixu.”
Patri Marcellino Micallef itemm jitkellem dwar l-importanza tal-edukazzjoni u jgħid li din hi ċ-ċavetta ta’ kollox. Bniedem għandu jeduka ruħu biex jiftaħ aktar bibien u opportunitajiet la jikber apparti li jsib xogħol diċenti li minnu jista’ jgħix ħajja komda.”
Persuna oħra li timmilita bil-qawwa kontra l-faqar li hawn madwarna hu Fr Hilary Tagliaferro li minkejja l-età tiegħu jibqa’ jaħdem qatigħ biex jikkumbatti l-faqar madwarna… kemm-il faqar materjali, imma anki l-faqar tal-moħħ, tal-qalb u tal-ispirtu.
Fr Hilary Tagliaferro, il-moħħ u l-pijunier tal-Millennium Chapel, jgħid li: fil-pajjiż il-faqar qiegħed kulma jmur jikber u dan hu rifless ukoll fil-fatt li bosta huma dawk li jmorru biex jingħataw x’jieklu mill-Kappella tal-Millennu li toffri boroż kbar tal-ikel u kull ħmistax tqassam ikel lil għexiern ta’ familji madwar Malta kollha.. ikel lil aktar minn 250 familja.
“Bdejna b’għaxar familji. Illum telgħu 250. Jiġu anke nies li jitolbuna ngħinhom għax ma jkunx jistgħu jlaħħqu mal-kontijiet.”
Filwaqt li jgħid li veru li fil-pajjiż hawn il-ġid u hawn ix-xogħol, iżda fil-verità l-faqar kompla jikber u qed jiżdiedu wkoll in-nies bla dar. “Għalkemm hawn iżjed ġid, il-faqar kiber. Jiġu ħafna bil-kontijiet tad-dawl u l-ilma jew b’xi kont tal-kera. Il-ġuħ kiber. Il-faqar kiber. Kull ġimgħa tiġi familja ġdida li għandha bżonn l-għajnuna. Vera hawn il-ġid u hawn ix-xogħol, imma l-faqar kiber.”
Jitkellem ukoll dwar il-problema tal-kirjiet u l-għadd ta’ persuni li spiċċaw bla saqaf fuq rashom u jinsisti li anke dawn żdiedu.
“Jiġu ħafna li huma bla dar. Mur fuq il-bajjiet u ara nies reqdin fuq il-bajja. Anke fil-kuritur li jagħti għall-kunvent, insibu nies reqdin. Ikun hemm priġunieri li joħorġu mill-ħabs u ma jkollhomx fejn imorru. Għaliex lill-priġunieri jitilquhom mill-ħabs fis-sebgħa ta’ filgħaxija. Min ma għandux fejn imur, fejn se jsib dak il-ħin?”
Pijunier ieħor fil-ġlieda kontra l-faqar hu Monsinjur Victor Grech li ta ħajtu għall-morda u għall-Caritas Malta, li jinsisti li f’soċjetà ġusta ż-żgħir għandu jkun identifikat, stmat, mogħti akkoljenza u opportunitajiet indaqs biex ikun jista’ jgħix ħajja denja ta’ bniedem. “Biż-żgħir ma nifhimx biss it-tfal iżda wkoll min għandu dħul insuffiċjenti biex jakkwista baskett ta’ oġġetti u servizzi essenzjali biex jgħix ħajja denja ta’ bniedem.”
F’dawn l-aħħar ħamsin sena gvernijiet suċċessivi ġabu bidliet kbar fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin, iżda għadhom jinħassu ħafna inugwaljanzi soċjali u għamliet ta’ dipendenza li juri li ż-żgħir għadu mhuwiex megħjun biżżejjed biex itejjeb il-qagħda tiegħu u jkun jista’ joffri futur sabiħ lil uliedu.
Monsinjur Victor Grech jinsisti li ħadd m’għandu jħossu minsi, imwarrab jew fit-trufijiet tas-soċjetà, jew isir dipendenti mill-benefiċċji soċjali. F’soċjetà b’ekonomija żviluppata m’għandux ikun hawn eluf ta’ tfal fir-riskju tal-faqar. Jekk mar-riskju tal-faqar inżidu l-esklużjoni soċjali, din ir-rata titla’ għal aktar u aktar eluf ta’ tfal. Xi kwalità ta’ protezzjoni u żvilupp personali qegħdin nagħtu lil dawn it-tfal? X’futur għandhom?
“Il-ġid komuni mhux biss irid jitkattar fil-pajjiż, iżda huwa meħtieġ li t-tqassim tal-ġid komuni jkun ġust. U biex id-distribuzzjoni tal-ġid komuni jkun ġust irid jilħaq lil kulħadd. Ħadd m’għandu jitrejjaq bil-loqom li jaqgħu minn fuq il-mejda.”
Hu jgħid li hawn madwar 93,000 persuna li fattwalment jgħixu fir-riskju tal-faqar jew f’deprivazzjoni materjali u soċjali jekk ninkludu wkoll dawk li jbatu minn esklużjoni soċjali. F’Malta għadna m’armonizzajniex l-interessi tas-setturi differenti tas-soċjetà ma’ dak li titlob il-ġustizzja.
//= $special ?>