Internazzjonali

L-Istati Uniti: Raġel li terrorizza lill-poplu bil-bombi jinstab mejjet fiċ-ċella

Il-qattiel infami Ted Kaczynski, — magħruf bħala l-Unabomber mal-poplu Amerikan  – instab mejjet fiċ-ċella tal-ħabs tiegħu f’North Carolina. Filwaqt li l-kaġun tal-mewt mhux magħruf , hemm il-possibbiltà li dan kien każ ta’ suwiċidju.

Kaczynski, li kellu 81 sena, kien wieħed mill-aktar kriminali magħrufin fl-Istati Uniti, bl-uffiċjali federali jirreferu għalih bħala terrorista domestiku.

Dan wara li hu kien dam is-snin jibgħat l-ittri u pakketti mimlijin bl-isplussivi li qatlu tliet persuni u ħallew ‘il fuq minn 20 midruba.  L-attakki damu mill-1978 sal-1995, b’ Kaczynski  — li kien ukoll ġenju tal-matematika u eks-student ta’ Harvard — jammetti l-ħtija għar-reati,  bil-konsegwenza li hu, fl-1996, weħel il-ħabs għal għomru, mingħajr il-possibbiltà li jappella mis-sentenza.

Dan wara li hu dam 20 sena jiżgiċċa lill-pulizija li organizzaw ‘manhunt’ intensiv għal raġel meqjus bħala ‘il-periklu numru wieħed’ għas-soċjetà.

Ted Kaczynski inqabad meta l-pulizija sabuh qed jgħix f’remissa fl-Istat ta’ Montana u l-istorja tiegħu ilha s-snin taffaxxina lill-Amerikani, minbarra li provdiet suġġett ewlieni għal ħafna dokumentarji maħdumin għat-televiżjoni.

Fl-aħħar 30 sena Kaczynski kien ittrasferit minn ħabs għal ieħor fl-Istati Uniti u fl-aħħar xhur kien qed jinżamm fil-Federal Medical Center (ħabs federali) ta’ Butner, fl-Istat ta’ North Carolina.