Il-President Ukren Volodymyr Zelensky u l-Ġenerali tal-Armata tiegħu esprimew sodisfazzjon għal kif sejra l-ewwel fażi tal-kontro-offensiva kbira intiża biex tkeċċi lill-qawwiet tar-Russja mill-ibliet u r-reġjuni li ilhom jokkupaw mill-bidu tal-invażjoni tal-Ukrajna, fl-ewwel ġimgħat tal-2022.
Zelensky, filwaqt li kkonferma li pajjiżu għaddej ‘bl-azzjonijiet militari deċiżivi’, anki kellu reazzjoni sarkastika għall-aħħar kummenti tal-President Russu, Vladimir Putin. Dan wara li Putin, waqt diskors, qal li fallew l-avvanzi inizjali tal-Ukreni u li l-qawwiet ta’ Zelensky ‘tilfu ammont allarmanti ta’ elementi mingħajr l-ebda kisbiet territorjali’.
Il-Mexxej Ukren wieġeb li r-Russi jafu ‘fil-fond ta’ qalbhom’ li l-gwerra qed iddur kontra tagħhom u li importanti li l-qawwiet Ukreni jżidu l-iskala tal-offensiva biex ir-Russi jindunaw li l-okkupazzjoni tal-Ukrajna riesqa, bil-mod il-mod, lejn it-tmiem.
Zelensky anki enfasizza li l-kmandanti militari tiegħu jinsabu f’burdata pożittiva waqt li esprima x-xewqa li ‘xi ħadd iwassal ċar dan il-messaġġ lil Vladimir Putin u sħabu fil-Kremlin’.
Fil-verità hu diffiċli għas-sorsi indipendenti biex jevalwaw bl-eżatt din il-fażi kruċjali tal-gwerra fl-Ukrajna. Dan għaliex in-narrativa qed tvarja minn naħa għall-oħra, bl-Ukreni qed jinsistu dwar il-progress tal-azzjonijiet militari u bil-Kremlin f’Moska jisħaq li qed ‘jikkontrolla faċiliment’ l-attakki.
Min-naħa tiegħu, il-President Zelensky ma żvela l-ebda dettall tattiku dwar il-kontro-offensiva wara l-eskalazzjoni ċara tal-battalji kontra r-Russi, fi tmiem il-ġimgħa.
Iżda, issa qed ikun irrappurtat li s-suldati Ukreni avvanzaw lejn il-lvant ta’ Bakhmut u miz-zoni lejn in-nofsinar ta’ Zaporizhzhia. Dan ukoll fost l-attakki mill-militar ta’ Zelensky fuq l-interessi tar-Russi qalb iz-zoni l-aktar imbiegħdin tal-Ukrajna.
//= $special ?>