Lokali

“Ninsabu frustrati għax mhux qed niġu kkonsultati” – ROTA

Aħna mhux qed niġu kkonsultati – u kellna nkunu nafu d-dettalji minn rapport tal-gazzetta Malta Today. Dan kollu huwa inkwetanti u frustranti.

Dan saħqitu fi stqarrija l-NGO Rota dwar id-draft propost minn Intrastracture Malta għal Triq Sant’Andrija bejn Swieqi, San Ġiljan u Paceville.

Dan hekk kif ftit tal-jiem ilu, rapport fuq il-MaltaToday spjega kif il-kunsilli ta’ Swieqi u Pembroke ġie preżentat quddiemhom l-ewwel pjan dwar it-triq il-ġdida li Infrastructure Malta se taħdem fuqha minflok il-mina inizjali li riedu jagħmlu bejn il-lokalità tas-Swieqi u x-xatt ta’ San Ġiljan.

Kelliema għal Infrastructure Malta spjegaw li din il-bidla qiegħda fil-ħsieb li ssir sabiex tittaffa l-konġestjoni tat-traffiku fiż-żona, madanakollu s-Segretarju Ġenerali ta’ Rota – Paolo Cassar Manghi spjega li Infrastructure Malta mhux qed tikkonsulta magħhom.

Huwa saħaq li filwaqt li japprezza li dawn il-pjanijiet għadhom fi stadju bikri, għal darb’oħra qed jinnotaw li l-awtoritajiet qed jimmiraw għal direzzjoni kompletament fl-oppost lejn fejn Malta għandha timmira – bil-karozzi jibqgħu fiċ-ċentru tal-ħsieb ewlieni.

Filwaqt li Rota ppreżentaw il-proposti tagħhom, huma spjegaw li dawn il-pjanijiet mhux qed iħarsu lejn l-istampa aktar wiesa’ u insistew li huwa impossibli li l-voluntieri ma’ Rota jibqgħu jsusu waħedhom fuq l-Awtoritajiet jiprovaw ikunu aġġornati b’dak kollu li qed jiġri.

Għaldaqstant huma appellaw sabiex ikunu kkonsultati, flimkien ukoll mal-Kunsilli Lokali, sabiex dan il-proġett ikun magħmul b’mod ħolistiku li jaqdi l-ħtiġijiet ta’ kull min ikun fit-triq.

Rota appellat li l-lokalitajiet imsemmija huma qrib xulxin fejn tista’ faċilment tasal għalihom minn post għall-ieħor bir-rota jew bil-mixi madnakollu insistew li qatt ma kien fil-ħsieb li l-lokalitajiet ikunu aċċessibli b’mod sigur kemm bil-pass jew bir-rota bejniethom.

Fl-aħħar nett is-Segretaru Ġenerali saħaq li bil-limitazzjonijiet li dan il-pajjiż qed iħabbat wiċċu magħhom ċertament ma jistax jibqa’ jlaħħaq maż-żieda qawwija ta’ karozzi fit-triq u wasal iż-żmien sabiex verament l-Awtoritajiet iħarsu lejn mezzi ta’ trasport aktar effiċjenti partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam spazju fit-toroq.