Lokali

Robert Abela għadu ma fetaħx il-kawża wara 100 jum biex flus il-poplu jintraddu lura

Għaddew issa aktar minn 100 jum minn meta l-Qrati tal-Ġustizzja sabu lil Robert Abela, Joseph Muscat, Chris Fearne u lil Konrad Mizzi flimkien ma’ oħrajn ħatja ta’ negozju frawdolenti fil-konfront tal-poplu bil-bejgħ ta’ tliet sptarijiet pubbliċi u sal-lum il-ġurnata Robert Abela għadu ma fetaħ ebda proċeduri fil-Qorti, la fil-konfront ta’ Vitals Global Healthcare u anqas fil-konfront ta’ Steward Healthcare biex il-flus misruqa jintraddu lura.

Hu biss Robert Abela fil-kapaċità tiegħu ta’ Prim Ministru, li jrid jiftaħ dawn il-proċeduri fil-Qrati Maltin biex il-flus misruqa – aktar minn €400 miljun jintraddu lura fil-kaxxa ta’ Malta.

Mhux magħruf għaliex s’issa Robert Abela baqa’ jkaxkar saqajh milli jiftaħ din il-kawża fil-konfrot tal-Vitals Global Healthcare jew Steward Healthcare, sia f’Malta jew fil-Qrati tal-Ġustizzja lil hinn minn xtutna meta għandu pedamenti legali sodi biex pajjiżna jikseb lura l-flus kollha misruqa.

Diġà fi Frar li għadda, aktar minn 100 jum ilu, il-Qrati Maltin taw raġun lill-poplu Malti u Għawdxi grazzi għall-proċeduri li kien fetaħ id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia biex ikun stabbilit li din kienet l-akbar serqa li qatt kienet saret lill-poplu Malti u Għawdxi. Ripetutament minn dakinhar ’l hawn, anke l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech beda jinsisti, sia fil-Parlament u anke barra, biex Robert Abela jiskatta minnufih kawża fil-Qorti ħalli l-€400 miljun u fuqhom misruqa lill-poplu Malti u Għawdxi, jintraddu lura.

Fid-deċiżjoi storika tiegħu, l-imħallef kien ċar ħafna li dak kien deal difettuż u li l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qatt ma messhom ittieħdu lill-poplu minn wara dahru biex inbiegħu b’mod frawdolenti lill-barrann.

Sussegwentement kien hemm ir-rapport tal-Awditur Ġenerali li kompla jibni fuq dik is-sentenza storika sal-punt ukoll li għamilha ċara li semma li l-€400 miljun ma kinitx tkopri l-miljuni li l-Gvern kien ħallas f’salarji lill-ħaddiema.

Minkejja s-sentenza tal-Qorti, ir-rapport tal-Awditur Ġenerali, id-diskussjoni fil-Parlament skattatha mill-Oppożizzjoni, il-protesti fuq livell nazzjonali u l-opinjoni pubblika espressa kontra dan id-deal frawdolenti, Robert Abela qed jagħżel li jiddefendi l-interessi tal-barranin u mhux l-interessi ta’ pajjiżna.

Filwaqt li wieħed jistaqsa x’inhi  r-raġuni għal din l-imġiba stramba ta’ Robert Abela li jiġbed l-interessi tal-barranin flok tal-poplu Malti u Għawdxi, il-mistoqsija tibqa’ għaliex l-istess Robert Abela qiegħed ikompli jkaxkar saqajh milli jagħti lill-poplu Malti u Għawdxi lura dak li nsteraqlu bil-ftehim oriġinali, jiġifieri bil-ftehim li sar taħt Joseph Muscat u Konrad Mizzi u li l-miljuni akbar lill-barrani komplew jngħataw ta’  kull sena bil-barka u l-insistenza ta’ Robert Abela.