Cyrus Engerer jattakka lid-Deputat Mexxej Daniel Micallef
Aktar konfronti diretti bejn ta’ fuq fil-Partit Laburista hekk kif fil-jiem li għaddew kien imiss lill-Ewroparlamentari Laburista Cyrus Engerer li jinfexx jattakka fuq il-midja soċjali lid-Deputat Mexxej Daniel Micallef.
Cyrus Engerer fl-attakk tiegħu fuq il-midja soċjali kkritika bil-qawwa l-isfreġju ambjentali li qed ikompli joħloq u jippermetti l-Gvern ta’ Robert Abela.
Fuq il-midja soċjali Cyrus Engerer jiddikjara: “Kuntratturi Xebbajtuna” b’riferenza diretta għal żvilupp massiċċ propost li jsir fil-lokalità ta’ Santa Luċija.
Din l-applikazzjoni sottomessa mid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Daniel Micallef, taħseb għall-kostruzzjoni ta’ binja ta’ ħames sulari li hu propost li tkun tinkludi 36 appartamenti, 75 garaxxijiet, ħames maisonettes u seba’ penthouses.
Fi kliem Cyrus Engerer, fl-isfond ta’ din l-applikazzjoni, hu ma jistax jibqa’ sieket dwar dan l-iżvilupp f’Santa Luċija. Anki jekk dan l-iżvilupp massiċċ hu propost li jsir fuq art privata minn entità privata.
L-Ewroparlamentari Laburista Cyrus Engerer, li hu miżżewweġ lil Randolph Debattista li hu l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Partit Laburista, jisħaq li hu kontra l-politika tal-Gvern ta’ Robert Abela li jelimina l-ftit spazji ħodor li fadal fil-gżejjer Maltin.
Filwaqt li jsejjaħ għal aġġornament tal-pjani lokali, Cyrus Engerer jenfasizza li dawn il-ftit spazji ħodor miftuħa huma kollha mhedda.
Kien hawnhekk li hu stqarr li: “Kuntratturi Xebbajtuna”, u żied li l-Gvern ta’ Robert Abela ma jistax jibqa’ ċass u indifferenti quddiem din il-qerda tal-wirt naturali li fadal f’pajjiżna.
Cyrus Engerer fuq il-midja soċjali jisħaq li: “Santa Luċija hija unika f’Malta. Ippjanata għall-benesseri tar-residenti tagħha, bi spazji miftuħa, spazji ħodor, u spazji kulturali. Lokalità fejn kollox jinsab f’ekwilibriju.”
U hawnhekk jinfexx f’attakk fuq is-suppost kollega tiegħu fil-Partit Laburista u jgħid li iżda dan kollu hu mhedded.
Jgħid li: “Għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ippjanar qed ifittxu li jibnu kumplessi kbar ta’ appartamenti li jeqirdu mhux biss għelieqi iżda wkoll l-ekwilibriju tal-lokalità.
“Meta ltqajt ma’ numru ta’ residenti ta’ din il-lokalità sabiħa, sfortunatament qaluli li jidher li bħalissa kollox jinsab taħt attakk, b’diversi proġetti privati qed jiġu ppjanati li jistgħu jfixklu dan il-bilanċ delikat u l-armonija li hija rari f’pajjiżna.”
Hu jkompli jinsisti li: “Ftit ġimgħat ilu biss tkellimt dwar id-degradazzjoni ambjentali fuq art pubblika naturali fil-Mellieħa, u ma nistax nibqa’ sieket dwar dak li qed ikun ippjanat f’Santa Luċija, anke jekk qed jiġri fuq art privata minn entitajiet privati.”
//= $special ?>