Internazzjonali

Ukrajna: Zelensky jikkonferma li bdiet il-kontro-offensiva

Il-President tal-Ukrajna Volodomyr Zelensky ikkonferma li s-suldati tiegħu għaddejin bil-kontro-offensiva li kienet ilha ppjanata xhur sħaħ.

Zelensky ħabbar dan wara li kellu laqgħa mal-Prim Ministru tal-Kanada Justin Trudeau – żjara li ma kinitx mistennija. Il-Prim Ministru Kanadiż wiegħed 500 miljun dollaru Kanadiż f’għajnuna militari lill-Ukrajna.

Volodomyr Zelensky fl-ebda ħin ma żvela f’liema fażi tinsab din il-kontro-offensiva filwaqt li ma daħal fl-ebda dettall dwar din l-operazzjoni militari sabiex jakkwistaw l-artijiet li ħatfu r-Russi.

Rapporti qed jgħidu li fl-aħħar jiem l-qawwiet Ukreni avvanzaw f’żoni differenti f’Bakhmut kif ukoll fin-Nofsinhar ta’ Zaporzhzhia. Iżda r-Russja qed tgħid li żammet dawn l-avvanzi.