Lokali

Wara li t-triq prinċipali tal-Għadira kienet rovinata fi proġett li għamel il-Gvern il-Ministru Aaron Farrugia jagħraf il-falliment u jisparixxi

Ritratt: Matthew Tabone

Fil-jiem li għaddew Aaron Farrugia, il-Ministru responsabbli mit-Trasport, inħeba  wara Infrastructure Malta fil-konfront tat-tlestija tal-proġett tal-Għadira fejn it-triq li minn Għawdex tgħaqqad ma’ Malta spiċċat b’karreġġjata waħda.

Stat ta’ fatt li mistenni joħloq konġestjonijiet ta’ traffiku b’mod partikulari fil-ġimgħat tas-sajf grazzi għall-popolarità li din il-bajja tgawdi mal-għawwiema Maltin u barranin.

Esperjenza mill-aktar qarsa f’dan is-sens inkisbet fi tmiem il-ġimgħa b’konġestjonijiet twal tat-traffiku filwaqt li min kien il-moħħ wara dan il-proġett kien ferm lil hinn mill-post tad-diżastru.

Sorsi infurmati li tkellmu ma’ Il-Mument qalu li dan il-proġett tfassal minn xi ħadd li ried jaġevola lil negozjant partikulari li fl-aħħar snin ma ffangax u ma belax kemm felaħ. Issa nsista – u nqeda – li jsir dan il-proġett bl-iskuża tal-ħarsien tas-sigurtà ta’ dawk li jkunu qed jaqsmu t-triq!  

Din hi gidba mill-bidu sal-aħħar li swiet lill-Maltin u lill-Għawdxin min jaf kemm-il miljun… apparti minn tixħim!

Inutli Ivan Falzon, l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ta’ Infrastructure Malta, jipprova jbenġilha dwar il-validità ta’ dan il-proġett bla sens u jipprova jbellagħlna r-ross bil-labra għaliex dan hu proġett li se jwassal għal problemi u konġestjonijiet fit-traffiku kbar f’dawn il-ġimgħat tas-sajf.

Espert fid-disinn u l-bini tat-toroq arterjali mitkellem minn Il-Mument insista li dan hu proġett difettuż u li fih numru ta’ żbalji li żgur li ma jagħmlux unur lil min iddisinjah u lil min imbuttah biex sar… “Jekk verament hu lest!”

Tajjeb li nfakkru li bħal-lum ġimgħa, numru kbir ta’ persuni, li ddeċidew li jgawdu tmiem il-ġimgħa f’Għawdex spiċċaw staġnati u mwaħħlin fit-traffiku mit-triq taċ-Ċirkewwa lejn l-Għadira.

Tajjeb li nkomplu nippreċiżaw li dak li ġara l-ġimgħa l-oħra ma kienx l-ewwel darba li kien hemm dan it-traffiku, hekk kif reġgħet infetħet it-triq tal-Għadira, b’Infrastructure Malta – responsabbiltà tal-Ministru għall-Infrastruttura Aaron Farrugia – għamlet triq li kienet b’żewġ karreġġjati ġo karreġġjata waħda.

Oriġinarjament Infrastructure Malta kienet qalet li l-proġett fi Triq il-Marfa fl-Għadira kien maħsub biex tiżdied  is-sigurtà fi triq li hija magħrufa għall-inċidenti.

Tajjeb li nfakkru li meta l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ta’ Infrastructure Malta, Ivan Falzon, kien mistoqsi dwar l-istqarrija tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex (GTA) li kienet qalet li ma tistax tifhem għaliex l-unika karreġġjata li tgħaqqad lil Għawdex man-nofsinhar ta’ Malta se jkollha biss karreġġjata waħda,  hu kien qal li dan il-proġett mhuwa se jimpatta xejn l-aċċess lejn Għawdex!

Il-GTA kif ukoll il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija (GBC) kienu kkritikaw il-proġett fi Triq il-Marfa, fl-Għadira, li hija lunika triq li tgħaqqad lil Għawdex man-nofsinhar ta’ Malta u minn żewġ karreġġjati nbidlet f’karreġġjata waħda.

Illum nafu tajjeb li dan il-proġett tfassal biex fil-ġenb tagħha fin-naħa tal-bajja nħoloq aktar parkeġġ għall-karozzi.

Infakkru li l-GTA kienet ikkritikat il-fatt li l-Gvern ma kien għamel l-ebda konsultazzjoni dwar dan il-proġett li issa hu kkonfermat li se jżid it-traffiku f’zona diġà traffikuża.

Anki d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia, il-Kelliem għat-Trasport tal-Partit Nazzjonalista, wera xettiċiżmu dwar dan il-proġett u stieden lill-Ministru Aaron Farrugia biex jagħmel waħda sew u jarmi l-baħar lill-ġenju li ppjana dan il-progett fl-Għadira.