It-Tnejn12 ta’ Ġunju, 2023.
Ċertament li fis-snin li ġejjin din id-data se tibqa’ mnaqqxa fl-istorja bħala l-jum li fih Silvio Berlusconi għalaq għajnejh għall-aħħar darba fl-età ta’ 86 sena. Raġel li mhux biss kellu determinazzjoni u perserveranza eċċezzjonali, iżda bniedem li biddel wiċċ il-futbol Taljan, it-televiżjoni kummerċjali kif nafuha illum u l-politika Taljana.
Silvio Berlusconi jibqa’ wkoll f’qalb bosta Maltin u Għawdxin partikolarment dawk li għixu nofs is-snin tmenin u s-snin disgħin. Bl-istazzjonijiet televiżivi fejn il-familji Maltin ma baqgħux biss isegwu l-istazzjonijiet Rai iżda bdew isegwu l-istazzjonijiet Italia Uno, Rete 4 u Canale 5 – programmi ta’ varietà u logħob – minn Bim Bum Bam għal programmi animati – minn partiti tal-futbol għal films maqlubin għat-Taljan li bosta tfal, illum adulti, kienu jsegwu.
Iżda apparti bħala negozjant ta’ stoffa fid-dinja tal-media – kien ċertament politiku bastun li dejjem kien ħabib ta’ Malta, partikolarment ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti. L-istorja ta’ Silvio Berlusconi ma’ Malta tmur lura għat-tmexxija tal-eks Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami – bl-ewwel żjara tiegħu tkun waħda qasira – fi Frar tal-2004 fejn kien saħansitra wassal delegazzjoni Maltija bl-ajruplan minn Ateni.
Eddie Fenech Adami fil-programm “Wiċċ Imb’wiċċ” ippreżentat mill-ġurnalista Roderick Agius kien iddeskriva lil Silvio Berlusconi bħala ġentlom, li dejjem kien sinonimu għaċ-ċajt li jagħmel. Fuq kollox, kien il-politiku li dejjem alloka miljuni ta’ finanzjamenti għal pajjiżna fi żmien meta kien għadu fis-seħħ il-Ftehim bejn l-Italja u Malta.
Ir-relazzjoni bejn Malta u l-Italja taħt it-tmexxija ta’ Berlusconi dejjem kienet waħda kordjali – eżempju ta’ dan kienet il-laqgħa li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi kellu miegħu f’Ruma fejn dejjem kien jappoġġja l-proposta ta’ pajjiżna li l-piż tal-immigrazzjoni għandu jinqasam fost il-pajjiżi membri kollha tal-Unjoni Ewropea.
It-tema tal-immigrazzjoni ma’ Silvio Berlusconi baqgħet waħda ħajja anke fis-snin ta’ wara…fejn saħansitra l-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien kellu laqgħat spissi miegħu anke fil-Libja.
Aktar tard, fl-2017 Silvio Berlusconi kien attenda għall-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew organizzat f’Malta mill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fejn ma’ Net News Berlusconi nnifsu kien tkellem dwar il-qrubija li kellu mal-Partit Nazzjonalista.
Mal-aħbar tal-mewt tiegħu, il-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ Berlusconi u iddeskrivewh bħala ħabib kbir ta’ Malta li mexxa l-Italja fi snin ta’ taqlib politiku kbir – li ħadem u stinka sabiex ir-releazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi jkomplu jissaħħu.
Dan filwaqt li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fakkar kif Silvio Berlusconi appoġġja mill-bidu lil Malta fit-triq tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Bernard Grech wassal il-kondoljanzi lill-familja Berlusconi u lill-poplu Taljan.
Intant f’intervista ma’ Net News l-eks Prim Ministru u eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi ddeskriva lil Silvio Berlusconi bħala bniedem ċajtier u kariżmatiku, persuna li għaraf juża’ t-talenti tiegħu sabiex jikseb suċċess hu u jġib suċċess ukoll lil pajjiżu.
//= $special ?>