Futbol Sport

Futbol Taljan: Tliet aħwa fi tliet finali fl-istess ġurnata

Il-Ħadd 11 ta’ Ġunju kien wieħed impenjattiv għall-familja Taljana Esposito hekk kif tliet aħwa kienu nvoluti fi tliet finali differenti iżda kollha ta’ importanza kbira.

Sfortunatament l-aħwa, Salvatore, Sebastiano u Francesco Pio kollha spiċċaw fuq in-naħa telliefa fil-partiti li kienu nvoluti fihom.

L-attakkant ta’ Bari Sebastiano Esposito kien involut fil-play-off għall-promozzjoni minn Serie B kontra t-tim ta’ Cagliari. Dawn tal-aħħar skorjaw fl-94 minuta biex b’hekk se jkunu huma li jilagħbu fis-Serie A l-istaġun li ġej. Sebastiano kien sostitwit fit-62 minuta.

Salvatore, plejer ta’ Spezia, kien involut f’partita deċiżiva oħra li minnha kellu jkun magħruf id-destin tat-tim tiegħu fl-istaġun li ġej. Spezia kellhom jilagħbu decider kontra Verona hekk kif iż-żewġ timijiet spiċċaw bl-istess ammont ta’ punti. Verona għelbu lit-tim ta’ Salvatore Esposito 3-1 u għalhekk, il-midfielder ta’ 22 sena, staġun ieħor se jkun qed jilgħab fejn ħuħ fis-Serie B.

Fl-aħħar nett, u għalkemm kollha kienu importanti forsi dan kien l-aktar impenn prestiġjuż, Francesco Pio kien parti mill-iskwadra tat-tim nazzjonali Taljan ta’ taħt l-20 sena li lbieraħ ukoll kien fil-finali tat-Tazza tad-Dinja U20. Sfortunatament għalih ukoll, l-Italja sfaw megħluba 1-0 mill-Urugwaj u Francesco daħal bħala sostitut fis-56 minuta. L-Urugwaj skorjaw fis-86 minuta permezz ta’ Luciano Rodrigues.