Ambjent Lokali

Il-Gvern għadu bla pożizzjoni dwar l-abbozz ta’ liġi biex l-ambjent ikun dritt fundamentali fil-Kostituzzjoni

Huwa ċar li l-Gvern għadu bla pożizzjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi li tfassal mill-Partit Nazzjonalista, bil-għan li jiġi introdott l-ambjent bħala dritt fundamentali fil-Kostituzzjoni.

Meta t-Tnejn saqsjena lill-Ministru Julia Farrugia Portelli għall-pożizzjoni tagħha dwar din il-liġi, hi baqgħet ma tatna ebda tweġiba. U minflok, għażlet li twieġeb b’mod partiġġjan.

L-abbozz imressaq mill-Partit Nazzjonalista qiegħed jiftaħ id-definizzjoni ta’ ambjent sabiex tfisser kemm arja, ilma u art kif ukoll l-ekosistema u dak kollu li jifforma parti minnha – inkluż ir-riżorsi naturali u fiżiċi li jaffettwaw il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.

Intant, meta saqsejna b’mod specifiku lill-Ministru Julia Farrugia Portelli kif se tivvota fuq dan l-abbozz…xorta bqajna bla tweġiba.

B’dan l-abbozz … għall-ewwel darba se tingħata l-awtorità għall-infurzar bil-liġi fejn f’kazijiet ambjentali l-Qorti tkun tista tara jekk kienx hemm ir-riskju, jew azzjoni attwata diġà ta’ ħsara ambjentali. Iżda donnu li l-Gvern mhux jagħti importanza għal din il-liġi.

Biex jgħaddi, l-abbozz għandu bżonn l-appoġġ ta’ tliet kwarti tal-Membri Parlamentari minħabba li se jwassal għal bidla fil-Kostituzzjoni.