Żagħżugħ ta’ 23 sena resdienti Raħal Ġdid wieġeb mhux ħati ta’ attentat ta’ serq fl-istess lokalità. Quddem il-Maġistrat Joseph Gatt ħareġ li Issac Grech ġie arrestat fil-fatt mill-Pulizija wara li l-Ħadd li għadda daħal f’ħanut, hedded lill-kaxxiera b’sikkina u talabha l-flus. Huwa nżamm arrestat mill-Maġistrat Joseph Gatt fejn ma laqax it-talba għall-pleġġ.
L-Ispettur Lydon Zammit li flimkien mal-Ispettur Antonello Magri ressaq liż-żagħżugħ fuq attentat ta’ serq qal li l-każ seħħ għall-ħabta tad-9pm. Il-Pulizija marret fuq il-post wara li ġiet mgħarrfa li r-raġel, deskritt bħala suspettuż għax kien liebes hoodie u maskra, daħal fil-ħanut.
Fl-istabbiliment, l-uffiċjali tal-Pulizija sabu lill-kaxxiera, tfajla ta’ 27 sena, li kienet tidher imbeżżgħa u lir-raġel. Kien hawn, li kif ra lill-Pulizija, ir-raġel ħareġ jiġri ‘l barra mill-ħanut. Il-Pulizija ġrew warajh u tawh ordnijiet biex jieqaf iżda njorahom.
Minkejja li ġie miżmum huwa baqa’ jirreżisti. Malli l-Pulizija nnutaw li r-raġel kellu sikkina fuqu, l-uffiċjali użaw it-taser biex jikkontrollawh u jarrestawh. Għall-ewwel Grech ammetta l-akkużi miġjubin kontrih imma wara li tkellem mal-avukat tal-għajnuna legali Matthia Felice, hu rtira l-ammissjoni.
Saret talba għall-ħelsien mill-arrest mid-difiża liema talba sabet oġġezzjoni minn naħa tal-prosekuzzjoni minħabba l-gravità tar-reat, il-fatt li kellu arma fuqu u li kiser żewġ kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja. Ingħad ukoll li anke jekk wara l-akkużat ikkopera mal-Pulizija.
Huwa qalilhom li aħjar li kieku jmur il-ħabs minħabba l-problemi li għaddej minnhom. Id-difiża qalet li l-liberà hi r-regola u mhux l-eċċezzjoni u li għadu preżunt innoċenti. Il-Qorti minħabba l-gravità tal-każ u li ma tafdax lill-imputat li jista’ joqgħod mal-kundizzjonijiet imposti minnha.
//= $special ?>