Lokali Saħħa

L-anzjani ħaqqhom ikunu jafu l-verità dwar id-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla

Inkjesta dwar id-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla hija neċessarja għaliex ir-residenti, il-ħaddiema u l-qraba tagħhom ħaqqhom ikunu jafu għalfejn din il-binja (wara 26 sena) allegatament għandha problemi strutturali; tant li trid titwaqqa.

Dan sostnieh l-Editorjal ta’ ‘The Malta Independent’ fil-ħarġa tat-Tnejn hekk kif ftit tal-ġimgħat ilu r-residenti tad-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla ġew infurmati li se jipoġġew fi djar oħra – għaliex din id-dar m’għadiex sigura.

Is-saga tad-Djar tal-Anzjani hija mifnija b’nuqqas ta’ trasparenza hekk kif għadha ma ngħatat l-ebda raġuni teknika għal dak li se jsir…. kif ukoll minħabba n-nuqqas li ssir inkjesta sabiex ir-residenti jkunu jafu x’wassal għal dan kollu.

Il-Ministru responsabbli mill-anzjani Jo Etienne Abela qal biss li qed jistenna li ssirlu domanda Parlamentari sabiex jippreżenta rapport. Iżda din id-domanda kienet diġà saret mid-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici fil-31 ta’ Mejju li għadda.

Fir-risposta tiegħu – li ngħatat fil-5 ta’ Ġunju – il-Ministru Abela qal biss li d-diskussjonijiet tal-Kabinett huma kunfidenzjali.

Iżda l-Ħadd filgħodu waqt id-diskors tagħha, Paula Mifsud Bonnici uriet ċertifikat tal-SCSA li illiċenzjat din il-binja sal-aħħar ta’ Jannar tal-2024 wara spezzjoni li saret f’Diċembru li għadda. Meta issa din l-istess awtorità bidlet il-verżjoni, u qed tgħid li din il-binja mhijiex sigura.

Hawnhekk, l-editur qal li dan qed iqajjem tħassib kbir dwar x’ġara minn sitt xhur ilu l’hawn, għaliex binja ma’ tiddeterjorax f’qasir żmien. L-editorjal sostna li kaġun ta’ din is-saga r-residenti qed isofru l-konsegwenzi għaliex dawn kontra qalbhom se jitpoġġew f’residenzi ferm il-bogħod minn raħal twelidhom.