Toni Bezzina, PN
Id-deputat Nazzjonalista qal li huma biss madwar 10% tal-bdiewa Maltin li jitwassal għandhom l-ilma tat-tieni klassi biex jintuża għat-tisqija u għalhekk jeħtieġ li jittieħdu l-miżuri neċessarji biex dan jiżdied.
Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu parlamentari dwar l-estimi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Toni Bezzina qal li l-pajjiz kien ilu jistenna snin twal għall-ilma tat-tieni klassi u sostna li dan hu bżonn għall-agrikoltura fit-tisqija tal-għelieqi minħabba li l-bdiewa kienu qed jiddependi biss mill-ilma tal-pjan. Hu qal li minkejja li d-distribuzzjoni tal-ilma tat-tieni klassi bdiet l-pajjiż għadu ‘l bogħod biex ilaħħaq mad-domanda ta’ dan l-ilma.
Huma biss 10% ta-bdiewa li qed jinqdew b’dan l-ilma fejn hemm erba’ lokalitajiet fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta u sitt lokalitajiet fin-naħa t’isfel. Hemm ħafna lokaliatjiet oħra li l-bdiewa tagħhom m’humiex jintlaħqu minn dan l-ilma.
Id-deputat Nazzjonalista qal li problema oħra hi kif dan l-ilma jitwassal fl-għelieqi tal-bdiewa, li jħallsu għas-servizz tal-bowsers. Hu ppropona li l-gvern jagħmel tajjeb għas-servizz tal-bowsers biex b’hekk titnaqqas id-dipendenza tal-pajjiż fuq l-ilma tal-pjan. L-ilma jitwassal b’network ta’ pajpijiet taħt l-art, sostna Toni Bezzina, li enfażizza l-importanza li l-inkonvinjent jitnaqqas.
Toni Bezzina kompla li x-xogħlijiet tat-tarmak għandhom isiru b’mod immedjat u sostna li hemm problemi oħra ta’ nuqqas ta’ koordinament minħabba toroq li jingħalqu biex jgħaddu ċertu servizzi.
Dan anki minħabba l-mod kif di-djar fil-lokalitajiet qed jitwaqqgħu u flokhom qed jinbnew appartamenti b’żieda għad-domanda fuq l-ilma tax-xorb u pressjoni fuq l-infrastruttura. Hemm bżonn li jitkabbru l-katusi tad-drenaġġ propju minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni.
Id-deputat Nazzjonalista semma’ Wied iż-Zurrieq u qal li dan hu l-uniku post turistiku li fadal f’Malta li fih imorru ammonti kbar ta’ turisti u Maltin iżda għadu bla drenaġġ.
Jeħtieġ li jittieħdu miżuri biex jitwassal id-drenaġġ għalkemm hemm problemi minħabba li Wied iż-Żurrieq jinsab iktar ‘l isfel mil-livelli. Minkejja dan xorta hemm soluzzjonijiet li jistgħu jitwettqu biex Wied iż-Żurrieq ikollu s-servizz tad-drenaġġ, sostna Toni Bezzina.
//= $special ?>