L-Inkjesta Maġisterjali b’rabta mal-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia qed toqrob lejn l-għeluq tagħha.
Dan ġie żvelat mill-ġurnal Times of Malta fejn ġie indikat li wara 6 xhur mill-inċident fatali li ħasad il-ħajja ta’ Sofia jidher li l-Maġistrat Marsanne Farrugia tinsab qrib li tikkonkludi l-inkjesta.
Iż-żagħżugħ tilef ħajtu wara li spiċċa taħt it-terrapien u l-konkos ta’ 4 sulari binja f’Kordin li kienet taħt kostruzzjoni – bil-kadavru tiegħu jinstab wara tfittxija ta’ 14-il siegħa. Apparti Sofia, f’dak l-incident kienu indarbu wkoll numru ta’ persuni.
F’dawn is-sitt xhur, il-Pulizija, minkejja li għandhom is-setgħa, ma arrestaw lil ħadd b’rabta mal-każ…bir-riskju li potenzjalment il-persuni suspettati fl-involviment tal-każ setgħu telqu minn pajjiżna.
F’dawn is-sitt xhur omm Jean Paul Sofia appellat ġimgħa wara oħra lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex isejjaħ inkjesta pubblika – li tkun separata minn din l-inkjesta Maġisterjali – bil-għan li diżgrazzja bħal din tiġi evitata sabiex l-ebda omm oħra ma tgħaddi mid-dulur li għaddiet u għadha għaddejja hi stess.
Madanakollu, il-Mexxej Laburista Robert Abela, saħansitra f’wiċċha quddiem il-ġurnalisti, ċaħad li hu kien se jagħmel dan – minkejja l-appelli tal-ġenituri, tal-qraba, tal-ħbieb ta’ Sofia u tal-Partit Nazzjonalista.
Bosta saħqu li tali aġir minn naħa ta’ Abela huwa indikattiva li mhux fl-interess tiegħu li toħroġ il-verità kollha mhux biss b’rabta ma’ dan il-każ iżda anke fil-prassi li hemm fis-settur sabiex tali traġedja verament tiġi evitata.
L-art fejn seħħ l-inċident fatali kienet qed tiġi mikrija lil Kurt Buhagiar, senior official mal-Awtorità tal-Artijiet filwaqt li l-applikant għal proġett huwa ċertu Matthew Joseph Schembri raġel li xellef difrejh mal-liġi wara li allegatament ħallas żewġt irġiel biex iħebbu għall-eks kunjatu f’tas-Sliema f’Ġunju tas-sena li għaddiet.
Dan filwaqt li l-perit tal-proġett hija Adriana Zammit – li taħdem ukoll ma Infrastructure Malta u li għandha konoxjenza tal-Ministru Ian Borg tant li sal-2020 kienet dawret ‘il fuq minn €100,000 f’direct orders.
//= $special ?>