Il-qawwiet tal-Ukranja fl-aħħar sigħat komplew bil-fażi bikrija tal-kontro-offensiva kbira intiża biex telimina l-aħħar traċċi tal-okkupazzjoni tal-pajjiż mis-suldati ta’ Vladimir Putin. Fil-fatt, it-truppi Ukreni, fl-aħħar 24 siegħa, irnexxielhom jilliberaw talanqas erba’ villaġġi fir-reġjun ta’ Donetsk u li sa tmiem il-ġimgħa kienu għadhom ikkontrollati mill-militar tar-Russja.
Iżda waqt li l-Ministeru tad-Difiża tar-Russja ma kkonferma l-ebda rtirar mill-qawwiet tiegħu, il-kelliema f’Moska ammettew li l-militar tagħhom fl-Ukrajna kien qed jikkonsolida d-difiżi biex jilqa’ għall-‘mewġ tal-attakki’ mill-Ukreni.
Fl-istess ħin, ir-Russi baqgħu jinsistu li l-attakki mill-Armata tal-Ukrajna, għalissa, qed ikunu ‘ineffettivi’ – u mingħajr ma huma qalu li t-truppi tal-Gvern Ukren, fl-aħħar sigħat, irnexxielhom javvanzaw il-mijiet ta’ metri fil-madwar ta’ Bakhmut….Belt fil-lvant tal-Ukrajna li mill-ġdid saret ‘epiċentru’ tal-gwerra u li għadha kontrollata mill-Armata Russa.
L-Ukreni, issa, irnexxielhom jilliberaw il-villaġġ ta’ Storozhove – bil-kelliema għall-Institute (think tank) for the Study of War fl-Istati Uniti jirreferu għal ‘indikazzjonijiet’ li l-qawwiet Ukreni anki ħadu lura l-kontroll f’diversi zoni residenzjali lejn il-Punent tal-Ukrajna.
Madankollu – u waqt li l-Ukreni kienu qed jokkupaw mill-ġdid l-inħawi ta’ Blahodatne, Neskuchne u Makarivka — l-osservaturi barranin qablu li dan għadu biss il-bidu tal-kontro-offensiva u li kwalunkwe kisbiet sinifikanti għall-Ukreni jistgħu għadhom ‘il bogħod minħabba r-reżistenza ħarxa tar-Russi fid-diversi bliet u reġjuni tal-Ukrajna.
Jiffaċċjaw anki l-intoppi…
Il-konsulenti mal-Ministeru tad-Difiża Ukren qalu li l-Armata tagħhom u l-qawwiet Russi t-tnejn qegħdin jitilfu s-suldati f’din il-fażi tal-offensiva — iżda l-Ukreni insistew li ‘it-telf hu bil-wisq aktar konsiderevoli għar-Russi’. Dan meta l-istqarrijiet partikulari baqgħu mhux ikkonfermati mis-sorsi indipendenti.
Filwaqt li l-poplu tal-Ukrajna u l-alleati qawwew qalbhom bid-dehriet tas-suldati Ukreni qed itellgħu mill-ġdid il-bandiera ta’ pajjiżhom qalb il-villaġġi liberati, l-osservaturi u l-analisti tal-gwerra huma konxji wkoll mis-sitwazzjonijiet fejn l-avvanzi tal-Ukreni ħabbtu wiċċhom mal-intoppi.
Dan minħabba ċirkustanzi fejn il-militar Ukren fil-Lvant u l-Punent tal-Ukrajna attakka diversi nħawi kontrollati mir-Russi minħajr effett – u bis-sorsi propagandistiċi f’Moska ma jitilfux l-opportunità biex jippubblikaw bullettini dwar l-allegati fallimienti militari tal-għadu.
//= $special ?>