Żagħżugħ ta’ 23 sena residenti l-Marsa ġie arrestat il-Ħadd filgħaxija fid-9:00 wara li nqaba jisraq f’ħanut f’Raħal Ġdid.
Il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm raġel suspettuż liebes hoodie u maskra f’ħanut fi Triq Ħaż Żabbar, Raħal Ġdid.
Il-Pulizija marret mill-ewwel fil-post u kif daħlu fil-ħanut sabu lill-kaxxiera, li kienet tidher imbeżża, kif ukoll liż-żagħżugħ.
Iż-żagħżugħ mill-ewwel ħareġ jiġri ‘l barra, bil-Pulizija ġrew warajh u bdew ituh ordnijiet biex jieqaf iżda huwa injora l-ordnijiet.
Il-Pulizija rnexxielha taqbdu imma hu baqa’ jirreżisti. Waqt li kien qed jirreżisti innutaw li kellu sikkina fuqu, u għalhekk kellu jintuża t-taser biex ir-raġel jiġi kkontrollat u jiġi arrestat.
Minn stħarriġ li sar jidher li r-raġel, li ġie identifikat li għandu 23 sena u residenti l-Marsa, kien daħal fil-ħanut, hedded lill-kaxxiera, mara ta’ 27 sena, b’sikkina u talabha l-flus, iżda f’dak ilħin waslu eżatt il-Pulizija.
Ħadd ma weġġa’ filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
//= $special ?>