Għawdex Kultura Lokali

Restawr estensiv fit-Torri tax-Xlendi jwassal għal sejba ta’ afreski

Tlesta r-restawr fuq l-eqdem torri f’Għawdex; proġett illi wassal għas-sejba ta’ afreski mill-isbaħ li jmorru lura mijiet ta’ snin.

It-Torri tax-Xlendi issa ġie trasformat f’mużew interattiv fejn se jkun hemm esebiti fdalijiet minn nawfraġju Puniku li jmur lura 2,000 sena… u li nstabu qrib dan it-torri.

Kien fl-2020 meta l-Kunsill Lokali tal-Munxar beda l-proġett sabiex it-Torri jiġi rrestawrat hekk kif kien jinsab f’kundizzjoni ħażina wara li kien abbandunat għal diversi snin. Il-proġett sar b’investiment ta’ aktar minn €350,000 – ko-finanzjat permezz ta fondi ewropej.

Meta beda r-restawr fuq it-torri instabu dawn l-afreski li jmorru lura għal ta’ snin – afreski illi juru altar u villaġġ rulari, bi traċċi ta’ disinni dekorattivi.

It-Torri tax-Xlendi kien inbena fl-1650 mill-Kavallieri ta’ San Ġwann sabiex jipprevjenu l-attakki mill-Pirati kif ukoll mit-Torok.

Dak iż-żmien il-Kavallieri kienu jistazzjonaw gwardji illi jirrappurtaw movimenti suspettużi lil hinn mill-gżira Għawdxija. Iżda meta l-Kavallieri telqu minn pajjiżna fl-1798 dan it-Torri meraviljuż spiċċa f’assedju mill-elementi naturali. U matul is-snin din il-binja storika bdiet tiddeterjora minħabba li t-torri spiċċa abbandunat.

Kien għalhekk li fis-sena 2020 b’inizjattiva minn naħa tal-Kunsill Lokali tal-Munxar beda restawr estensiv fuq dan it-Torri sabiex jirritorna fl-aqwa stat possibbli.

Is-Sindku tal-Munxar Damien Spiteri esprima s-sodisfazzjon li dan it-Torri ser ikun qed joffri esperjenza mill-isbaħ lil kull min iżuru, u tenna li x-xogħol mistenni li jkompli għaddej mill-Kunsill Lokali tal-Munxar sabiex dan it-Torri jibqa’ ppreservat fl-aħjar mod possibli.

It-Torri tax-Xlendi se jiġi inawgurat nhar il-Ħamis li ġej u l-pubbliku jista’ jżur dan it-torri għall-ewwel darba f’żewġ open days fis-17 u t-18 ta’ Ġunju fejn il-poplu Malti u Għawdxi ikun jista’ jifhem aħjar is-sinifikat li kellha din il-bajja tul is-snin.