Il-Malta Chamber of SMEs f’kollaborazzjoni mal-Malta Enterprise ħabbru t-tieni edizzjoni tal-Malta Business Awards.
Waqt t-tnedija infetħu wkoll l-applikazzjonijiet għall-awards – applikazzjonijiet li se jibqgħu miftuħin sal-31 ta’ Lulju li ġej.
Il-President tal-Malta Chamber of SMEs Paul Abela sostna li kull premju jirrappreżenta inizzjattiva ta’ valur għal pajjiżna; eżempju tajjeb ta’ negozju li tiegħu jingħataw rikonoxximent imma ukoll viżibilita biex negozji oħrajn jieħdu eżempju.
Minn naħa tagħha l-Kap Eżekuttiv tal-Malta Chamber of SMEs Abigail Agius Mamo ħeġġet lin-negozji biex sal-31 ta’ Lulju japplikaw għal din is-serata tant importanti filwaqt li spjegat li l-kumpaniji jistgħu japplikaw għal aktar minn premju wieħed.
Agius Mamo qalet li l-ewwel kumpaniji magħżula se jitħabbru fil-11 ta’ Settembru u mbagħad l-finalisti se jitħabbru fit-30 ta’ Ottubru. Is-serata tal-finali se ssir fl-1 ta’ Diċembru li ġej.
Hi sostniet li l-Malta Business Awards iservu sabiex jesponu l-istejjer ta’ suċċess, fejn wieħed jitgħallem mingħand l-ieħor, imma fuq kollox huma opportunita biex kull intrapriża tara kif se ttejjeb s-servizzi tagħha.