Carmen Ciantar, l-id il-leminija ta’ Chris Fearne mhux qed teskludi li esponenti tal-Partit Laburista qed iwettqu frame-up fuqha u fuq bintha….biex ikissru lid-Deputat Prim Ministru.
Fis-Sunday Times of Malta Carmen Ciantar saħqet li hemm forzi tad-dlamijiet li qed jużaw lilha u lil bintha Celine biex iwettqu frame up fuq Fearne. Iżda wara domandi mibgħuta minn Net News lill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi – li preżentament tinsab awto-sospiża minn din il-pożizzjoni – hi baqgħet ma ċaħdet bl-ebda mod li dawn l-hekk imsejħa “forzi tad-dlamijiet” huma parti mill-kamp Laburista.
Ciantar lanqas ma kkonfermat jew le jekk xi ħadd mit-tmexxija tal-Partit Laburista avviċinaha sabiex jisma’ l-verżjoni tagħha.

Carmen Ciantar qed tinsisti li hija vittma ta’ kampanja maħmuġa sabiex tkisser ir-reputazzjoni tal-Ministru għas-Saħħa wara li gazzetta fil-Pakistan irrapportat allegat tixħim, bejna u bejn kumpanija qrib Vitals Global Healthcare.
Dan filwaqt li fl-aħħar jiem ukoll ġie rrapportat fuq sit Belġjan li Russu li xtara ċittadinanza Maltija ħallas aktar minn tlett miljun ewro lil bint Ciantar, Celine Ciantar, bħala allegat kickback lil ħadd ħlief Chris Fearne. Madanakollu din l-aħbar ftit tas-sigħat wara ġiet mħassra.
Mistoqsija mit-Times dwar min taħseb li hemm wara dan kollu, Carmen Ciantar saħqet li mhux se tkun qed tipponta swaba lejn xi ħadd u appellat lill-ġurnalisti, Pulizija u Qrati sabiex jagħmlu xogħlhom.
Mistoqsija l-istess domanda minn Net News … hija rreferiet għad-dikjarazzjonijiet pubbliċi li għamlet, u fl-ebda mument ma eskludiet li dan l-aġir ġej mill-Partit Laburista.
Fl-aħħar ġimgħa Carmen Ciantar kitbet darbtejn lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà sabiex jinvestiga l-każ u appellat lill-Maġistrat Gabriella Vella sabiex tisma’ x-xhieda tagħha b’rabta mad-deals ta’ Vitals u Steward. Madanakollu s’issa għadu ma kellimha ħadd – dan ifisser li wara tali allegazzjonijiet gravi…il-Pulizija għadhom lanqas biss avviċinawha.
