Fl-aħħar jiem Audrey Friggieri ppreżentat ir-riżenja tagħha minn Kummissarju għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u tal-Vjolenza Domestika.
Dan ikkonfermatu ma’ Net News Audrey Friggieri stess hekk kif saħqet li dan il-pass ħaditu minħabba raġunijiet personali.
Audrey Friggieri kienet nħatret Kummissarju fi Frar tal-2020, ġimgħa wara d-delitt ta’ Chantelle Chetcuti, omm ta’ 34 sena li nqatlet mill-eks partner tagħha.
Matul it-tmexxija tagħha sfortunatament seħħew tal-inqas 2 imwiet oħrajn frott il-vjolenza domestika – l-omiċidji ta’ Rita Ellul u Bernice Cassar.
Il-Gvern ghadu ma qal xejn dwar din ir-riżenja, jew min se jkun qed jiehu post Audrey Friggieri fit-tmexxija ta’ din il-Kummissjoni.