Il-qawwiet tar-Russja, fl-aħħar sigħat, wettqu wieħed mill-akbar bumbardamenti tal-gwerra u fejn din id-darba konċentraw fuq il-belt ta’ Kryvyi Rih – il-belt fejn trabba l-President Ukren, Volodymyr Zelensky.
Il-belt inkwistjoni ntlaqtet minn xita ta’ missili waqt li l-ajruplani tal-gwerra tal-Kremlin attakkaw lil diversi bini ċivili, inkluż blokk tal-appartamenti għoli ħames sulari.
Skont l-aħħar rapporti, mietu talanqas 11-il ċivili waqt l-attakki fuq dawn iz-zoni residenzjali, bl-awtoritajiet fil-belt partikulari jmexxu tfittxija intensiva għan-nies li ma dehrux aktar wara l-attakki. Kollox kien qed jindika li ħafna mill-persuni rappurtati nieqsa kienu spiċċaw taħt ir-radam tal-bini u fost konferma li l-feruti fl-attakki kienu qabżu sew it-30.
Is-Sindku ta’ Kryvyi Rih, Serhiy Lisak, qal li l-ammont tal-vittmi x’aktarx li se jitilgħu waqt li wissa lir-residenti tal-belt biex ma jinjorawx it-twissijiet dwar l-air raids peress li s-sitwazzjon għadha perikoluża u fluwida.
Il-President Zelensky bagħat messaġġ ta’ solidarjetà lill-qraba tal-vittmi tal-attakki fuq Kryvyi Rih waqt li kkundanna lill-President Russu Vladimir Putin u l-Kremlin talli qed jippersistu bi gwerra krudili kontra ċittadini komuni.
Hu sostna, f’messaġġ fuq Telegram, li ‘il-qattiela Russi qed jagħmlu li jistgħu biex jeqirdu l-ħajja tan-nies innoċenti u l-ibliet tal-Ukrajna’ waqt li insista li ‘ma teżisti l-ebda forma ta’ maħfra għat-terroristi fil-Kremlin li jridu jinżammu kontabbli għal kull missila sparata lejn l-Ukreni.’
//= $special ?>