Lokali

Il-President George Vella se jindirizza l-‘World of Work Summit 2023’ f’Ġinevra

Il-President George Vella ħalla lill-pajjiżna hekk kif se jkun qed jattendi u jindirizza l-‘World of Work Summit 2023: Social Justice for All’, organizzat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), f’Ġinevra.

Dan is-summit, li se jkun maqsum fuq jumejn, se jiffoka fuq l-irwol ewlieni tal-ġustizzja soċjali fil-ħolqien ta’ dinja aktar sostenibbli u ġusta.

Fejn mistenni li se jattendu kapijiet ta’ numru ta’ stati u gvernijiet, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, id-Direttur Ġenerali tal- ILO u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema.

F’din iż-żjara, il-President se jkollu laqgħat ta’ livell ogħli fl-istituzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Magħquda. Fost l-oħrajn mad-Direttur Ġenerali tal-ILO u mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati u ukoll mal-Prim Ministru tal-Bangladesh u mal-Prim Ministru tat-Tuneżija.

Din hija t-tieni darba li l-President Vella se jkun qed jindirizza lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol f’Ġinevra bl-ewwel darba kienet f’Ġunju tal-2019.

Il-Professur Frank Bezzina se jservi fil-kariga ta’ Aġent President ta’ Malta sar-ritorn tal-President nhar il-Ħamis 15 ta’ Ġunju.