Lokali Qorti

Immultat €50 wara li rreaġixxa għall-kumment tal-Ministru Silvio Schembri

Tweġiba sarkastika ta’ raġel li tefa’ post fuq Facebook, li fiha kkwota lill-Ministru tal-Ekonomija, ġabitu xi ftit fl-inkwiet wara li l-Ministru rrapporta lil Simon Cutajar lill-pulizija. Cutajar kien iirreaġixxa għal dak li qal il-Ministru Silvio Schembri f’konferenza stampa dwar il-proposti elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-komunità kummerċjali f’Marzu 2022.

Dak li qal fit-8 ta’ Marzu 2022 kien ġierrapportat fuq is-sit talk.mt. Il-Ministru kien ikkwotat li qal li “mal-PN ma tafx x’se tieħu imma taf x’se johodlok” – b’Cutajar iwieġeb fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ l-istess sit bil-kliem “miegħek tista’ ssib bomba taħt il-karozza.”

Meta Cutajar tressaq il-Qorti t-Tlieta filgħodu waqt seduta tad-distrett quddiem il-maġistrat Kevan Azzopardi, huwa immedjatament ammetta l-ħtija. L-avukat difensur ta’ Cutajar, Ishmael Psaila, qal lill-Qorti li l-imputat iddispjaċieh għall-kumment tiegħu u skuża ruħu wkoll mal-ministru privatament.

Cutajar reġa’ skuża ruħu fil-Qorti waqt is-seduta, u qal li qatt ma kellu l-intenzjoni li jhedded lil ħadd. L-Avukat Maurice Meli, li rrappreżenta lill-ministru flimkien mal-avukat Stefano Filletti, qal lill-Qorti li għalkemm l-imġieba tar-raġel ma kinitx aċċettabbli, il-ministru ma kienx qed jippretendi li jittieħdu xi passi ta’ barra minn hawn.

Il-Ministru Silvio Schembri, li kien qed isegwi l-proċeduri permezz ta’ video conference, qal li għalkemm il-kumment kien sar fil-kuntest ta’ kampanja elettorali, kien hemm limitu għal dak li hu tollerabbli. Il-Qorti sabet lil Cutajar ħati u l-maġistrat, wara li qies l-ammissjoni bikrija tal-imputat, l-apoloġiji diversi u r-rimors evidenti ta’ Cutajar, immultatah €50.